L-istorja ta’ Radju Marija

 

Il-bidu ta’ Radju Marija Malta jmur lura sa mill-31 ta’Mejju 1995, meta dak iż-żmien kien jismu Radio 106 u kien jittrażmetti fuq frekwenza komunitarja. Fil-5 ta’ Meju 1998, Radio 106 ingħaqad ma’ Radio Maria World Family u bidel ismu għal Radju Marija Malta. L-Assoċjazzjoni Radju Marija (ARM) ġiet iffurmata u minn dik il-ġurnata ’l hemm, Radju Marija Malta kompla jikber. Fil-fatt fis-17 ta’ Ġunju 2004, Radju Marija beda jittrażmetti fuq il-frekwenza 102.3 FM bl-liċenzja nazzjonali u għalhekk Radju Marija issa seta’ jilħaq lil Malta u Għawdex kollu.

Radju Marija Malta jifforma parti mill-World Family Radio Maria (WFRM), u fl-1998 kien il-ħames pajjiż li ngħaqad mal-World Family li fiha llum hemm ’il fuq minn 70 pajjiż differenti li jagħmlu parti mill-WFRM. L-għan huwa li nippromwovu l-messaġġ tal-Evanġelju ta’ ferħ u tama permezz tal-Kelma ta’ Alla u biex ngħinu nifhmu aktar it-twemmin u t-tagħlim Kristjan. Bħala parti minn WFRM , l-istazzjon iħaddan l-istess ideat bħall-istazzjonijiet l-oħra ta’ Radio Maria madwar id-dinja. Għalhekk il-motto tal-WFRM u kull stazzjon tar-radju huwa: ‘Leħen Nisrani fid-dar tiegħek.’

Radju Marija Malta huwa magħmul minn familja waħda kbira ta’ nies, li l-għan tagħhom kollha hu li jagħmlu l-aħjar għall-interess tal-istazzjon. Radju Marija huwa magħmul mill-Assoċjazzjoni Radju Marija, il-Bord li huwa magħmul minn 5 voluntiera li wieħed minnhom huwa l-President ta’ Radju Marija Malta, 6 ħaddiema li jieħdu ħsieb ix-xogħol ta’ 24 siegħa kuljum biex jiffunzjona l-istazzjon tar-radju, u ħafna voluntiera oħra li jikkontribwixxu l-ħin tagħhom f’xogħlijiet f’oqsma differenti.

Radju Marija ma jxandarx reklami u jiddependi biss mid-donazzjonijiet li jibagħtu s-semmiegħa u fuq kollox il-Providenza Divina. Mingħajr l-għajnuna u x-xogħol tal-voluntiera, Radju Marija ma jkunx jista’ jxandar. Huwa għalhekk li aħna nemmnu bis-sħiħ fil-proġett u l-missjoni tal-evanġelizzazjoni sabiex jaslu f’kull dar, biex b’hekk kollha kemm aħna nkomplu nkabbru l-imħabba lejn ommna Marija li żgur tfawwarna b’barkiet fuqna u fuq is-semmiegħa.

 

L-Assoċjazzjoni Radju Marija

 

L-Assoċjazzjoni Radju Marija ta’ Malta (ARM) twaqqfet f’Ġunju tal-2006.

Minn dakinhar, l-Assoċjazzjoni li hija magħmula minn membri li għandhom għal qalbhom Radju Marija u li lesti jaraw li Radju Marija jilħaq l-għanijiet li għalih twaqqaf. L-istatut li jmexxi lil Radju Marija jkun dejjem approvat mill-Familja Dinjija ta’ Radju Marija u l-ħidma tar-Radju hija konformi ma’ dak li titlob il-Familja Dinjija ta’ Radju Marija.

Radju Marija għandu l-għan li jkun leħen Nisrani f’kull dar f’Malta u Għawdex u kull fejn jinstema’. Radju Marija jrid ixerred il-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù Kristu skont it-tagħlim tal-Knisja Kattolika Rumana permezz ta’ għadd ta’ mezzi fosthom l-istazzjon tar-radju.

Il-membri tal-ARM jiltaqgħu mill-inqas darba fis-sena għal Laqgħa Ġenerali Annwali u kull tliet snin b’elezzjoni jagħżlu l-membri li jservu fil-Bord tad-Diretturi ta’ Radju Marija. Il-membri tal-Bord jieħdu ħsieb jeleġġu President minn fosthom u jiltaqgħu regolarment kull xahar. Il-Bord irid jimplimenta d-deċiżjonijiet meħuda fl-Assemblea Ġenerali, jiddeċiedi dwar l-infiq u l-ispejjeż tar-Radju u jieħu ħsieb ukoll l-ingaġġ ta’ impjegati kif meħtieġ. Il-membri tal-ARM ma jirċievu ebda kumpens finanzjarju u jwettqu l-ħidma tagħhom għax għandhom tassew għal qalbhom il-proġett ta’ Radju Marija.