Isimgħu Lilu!

Isimgħu Lilu!

Għeżież ħbieb,

“Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi… isimgħu lilu.” (Mt:17:6) Dan hu l-kliem li se nisimgħu meta jiġi moqri l-Vanġelu li jfakkar it-Trasfigurazzjoni tal-Mulej jew kif nafuha aħjar, is-Salvatur, nhar is-6 ta’ Awwissu. Minn dan nixtieq nieħu biss il-vers li fih Alla l-Missier isemma’ leħnu waqt li Ġesù jidher kollu dija fuq il-Muntarnja Tabor. “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi… isimgħu lilu.” (Mt:17:6)

Nixtieq nieħdu biss il-kliem ‘Isimgħu lilu’, għax fil-kelma smigħ għandek l-imġiba veru tal-bniedem ta’ Alla. L-Iskrittura tispjegalna li għal kuntrarju ta’ dak li kienu jemmnu l-pagani, speċjalment il-filosfi Griegi; li biex tifhem kollox trid tara, għal-Lhud trid tisma’ biex ikollok il-verità sħiħa.

Fis-smigħ inti qed tiftaħ qalbek verament għal Alla. Għax il-fidi jiġi mis-smigħ u dan hu x-xogħol aħħari ta’ Radju Marija. Permezz tas-smigħ ta’ dan ir-Radju, iktar se nikbru fl-għarfien tat-tagħlim ta’ Alla, insiru iktar midħla tal-verità waħdanija ta’ Kristu mhux għax nisimgħu b’attenzjoni biss, imma għax nisimgħu bil-qalb miftuħa. Is-smigħ se jkompli jgħinna biex nobdu wkoll ir-rieda ta’ Alla għax fil-verità tagħmel sens u hi ta’ ġid għalina.

Permezz tas-smigħ ta’ Radju Marija, għadna għajnuna oħra biex nisimgħu lil Ġesù Kristu li hu l-aħħar kelma ta’ Alla l-Missier għal bnedmin kollha u din hi l-istedina tiegħu: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi… isimgħu lilu.” (Mt:17:6)

Mela f’dan l-ispirtu, komplu isimgħu Radju Marija u bħal Verġni Mbierka, kollox isimgħu u żommu f’qalbkom għax “…hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!” (Lq11;28)

Ħallu lil Radju Marija jkun parti mit-talb tagħkom biex dejjem ifakkarkom fil-Mulej tagħna għax Hu jisma’ lil dawk li għandhom qalbhom miftuħa għalih, jisma’ lil dawk li jgħixu fl-umiltà għax qegħdin fl-iskola tal-mara umli ta’ Nazzaret li tagħha hu dan ir-Radju!

Dejjem tagħkom f’Ġesu’ u Marija

 

Fr Antoine Borg

Direttur Radju Marija

Share

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.