Tħoss Magħkom

Tħoss Magħkom

Matul dan ix-xahar ta’ Settembru, il-Knisja tiċċelebra żewġ festi; dik tal-14, il-festa ta’ Salib Imqaddes u l-għada tal-15, il-festa tad-Duluri, il-ġurnata liturġika ta’ Marija Addolorata.

Dawn il-festi jfakkru meta r-relikwija tas-Salib Imqaddes reġgħet ingħatat lura lill-Insara u għalhekk kienu għamlu festi kbar hija u dieħla lura f’Ġerusalemm, u għalhekk din il-festa tissejjaħ tal-Eżaltazzjoni tas-Salib jew aħjar tal-Glorja.

Dik tad-Duluri ntgħażlet li tkun f’din id-data mill-qaddis Papa San Piju X. Kellu raġun dan il-Papa li jagħżel din id-data għax tassew jixraq li wara l-unur li jingħata lis-Salib ta’ Kristu, nagħtu wkoll ġieħ lill-Verġni Marija fid-Duluri tagħha. Għax kienet hi sa mit-twelid ta’ Binha kellha tbati miegħu f’dan il-wied ta’ dmugħ. Kienet hi li laqgħet l-uġigħ kollu meta kienet tisma’ b’min ma jridx jaf bih u riedu jixħtuh minn l-għolja għal isfel… tinkwieta għax tisma’ b’min kien kontrieh u b’dawk li kienu qegħdin jikkonfoffaw kontrieh. Hi li ħasset dwejjaq mill-kbar għal waqt il-ħin li ttradewh, ikkundannawh u ħaqruh bla ħniena. Hi li ħasset uġigħ liema bħalu waqt l-agunija u l-mewt. Hi li ħasset solitudni liema bħala f’jum is-Sibt, lejliet il-qawmien. Dan ħassitu b’mod naturali bħala omm imma wkoll b’mod spirtiwali bħala dixxiplu; iva u huwa għalhekk li f’dan iż-żmien hija għażlet li matul dawn l-aħħar snin, il-Madonna f’Malta u fid-dinja kollha permezz ta’ Radju Marija tibqa’ tkompli tħoss magħna. Għax permezz ta’ dan il-leħen tagħha hija tibqa’ turina kemma għadha tħoss għad-dinja kollha.

Tħoss fejn hemm pajjiżi li lil Binha Ġesù għadhom qed jaħqruh u joqtluh f’ħutu Nsara ppersegwitati. Iva, il-Madonna għadha tħoss għal dawk li għadhom jikkonfoffaw, jonsbuh u jixiequ jsikktuh. Ukoll f’xi pajjiżi li jippruvaw issiktu lil Insara u lill-istazzjon Radju Marija… jew b’saħħa ma jriduhx u ma jingħatalhomx il-permess li jiftħu stazzjon.

Imma iva għeżież ħbieb tagħna, id-Duluri tibqa’ tħoss hawn ukoll f’Radju Marija Malta ma’ dawk li għaddejjin minn solitudni, minħabba mewt ta’ xi ħadd għażiż jew minħabba abbandun… ma’ dawk imweġġgħa u mqarraq mis-soċjetà… ma’ dawk li xebgħu minn dak kollu li toffri d-dinja… ma’ dawk li ma jaraw l-ebda sens fil-ħajja. Iva, permezz ta’ Radju Marija, id-Duluri tkompli tgħallimna biex inżommu mas-salib tagħna ta’ kuljum fit-talb u fit-tbatijiet kollha tagħkom. Tassew hija tħoss u hi qiegħda magħkom u għażlet dan il-mezz ta’ konunikazzjoni biex tibqa’ magħkom, tibqa’ magħkom quddiem Ġesù msallab li għadu jbati magħkom. Hi tibqa’ tħoss bħal dakinhar wieqfa taħt is-salib u għalhekk hi tibqa’ tħoss magħkom u għalikom.

O Verġni Mbierka, Sultna ta’ Radju Marija… kompli kun mas-semmiegħa tagħna biex din il-kelma li toħroġ mill-istazzjon tiegħek tgħin lil dawk ħutna li għaddejjin min inkwiet, għejja u qtigħ il-qalb, biex jibaqgħu sodi fit-tama li taf toffri din l-omm twajba tagħna minn dan l-istazzjon.

Dejjem tagħkom fi Kristu u Marija

Fr Antoine Borg

Direttur ta’ Radju Marija Malta

Share

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.