Żommli Jdejja

Żommli Jdejja

“Żommli jdejja!” hekk kienet tgħidli ommi meta kont żgħir, speċjalmet meta konna mmorru sal-Belt. Meta nara xi omm b’xi tfal żgħar b’idejhom fidha, niftakar f’ommi u fis-sbuħija tat-tfulija.

Meta niftakar f’dan niftakar ukoll fi kliem Kristu li min hu bħat-tfal jidħol fis-saltna tas-sema. U kif tkun tifel u tifla spiritwalment?  Naħseb li aħjar mir-Rużarju ma hawnx! Iva ħbieb tiegħi, f’dan ix-xahar ta’ Ottubru għamlu l-ħila tagħkom biex tiskopruh. Kif?

L-ewwel iftaħ idejk u ressaqha lejn Ommok tas-Sema biex iżommhielek f’idejha… dan għamlu llum stess, ibda żomm fuqek kuljum il-kuruna tar-Rużarju.

Filgħaxija tinsihiex u aqbad idejk f’tagħha biex traqqdek fi ħdana u għalhekk daħħal fis-sodda miegħek il-Kuruna tar-Rużarju. Kieku taf kemm ikollhom kuraġġ dawk l-anzjani li tarahom bil-kuruna f’idejhom għalkemm qegħdin morda fis-sodda għax dejjem hekk draw u jafu li fis-solitudni u fl-uġigħ, il-Madonna dejjem magħhom. Mhux ta’ b’xejn ikunu kalmi u bit-tbissima!

F’dan ix-xahar ipprova tfallihiex din it-talba. Jekk qatt ma għedtu u qiegħed tipprova u għandek ma tistax, tħabbilx rasek, illum għid ħamsa, darb’oħra għid għaxra u tara kif ftit, ftit  jibda jsir parti minn ħajtek. Issa għaxra… issa tletin u issa ħamsin darba. Jaqaw int meta twelidt bdejt tiekol ikel solidu mill-ewwel?

Tinsiex meta tkun qiegħed bil-kuruna tar-Rużarju f’idejk, qisek għandek idejk f’idejn Ommok tas-Sema. Tistħix minn Ommok! Jien rajt nisa u rġiel kbar mexjin fit-triq ma’ ommom iżommuhom f’idejhom għax kienu anzjani; u dawn ma jistħux minn dan. M’għandekx għalfejn tistħi minn Ommok, minn Ommok tas-Sema.

Kien hemm raġel adult fuq ferrovija dejjem bil-kuruna f’idejh. Meta staqsew min kien, u qalulhom li dak ir-raġel kien Louis Pasteour baqaw mbellhin, għax dan kien xjenzat kbir franċiż. Tistħix minn din il-mara kbira għax ma hawn ħadd akbar minnha.

Isma’ l-vuċi tal-Madonna li ssejjaħlek permezz ta’ Radju Marija u bi ħlewwa u sodizza tgħidlek: “Żommli jdejja!”. Isejjaħlek permezz tar-Radju tagħha, erba’ darbiet kuljum biex taqbad ir-rużarju, biex taqbad il-kuruna, biex taqbad idejha u hekk tkun tisa’ twassalna lejn Ġesù kuljum, twassalna lejn dak li hu ta’ ġid għalina  qalb il-folla, qalb l-istorbju u l-inkwiet. Twassalna lejn is-sema qalb it-tentazzjonijiet u taħbit ta’ dan il-wied tad-dmugħ.

Ma’ Radju Marija bil-kuruna f’idejna, il-post  tal-ġenna joqrob aktar lejna!

Dejjem tagħkom fi Kristu u Marija

Fr Antoine Borg

Direttur ta’ Radju Marija Malta

Share

Comments

  1. Proset u grazzi tal-programmi, sbieh u ta interess li taghmlu.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.