• Dwarna
  • On Demand
  • Aħbarijiet
  • Ritratti
  • Kuntatt
  • Donazzjoni
  • English
  • Dwarna
  • On Demand
  • Aħbarijiet
  • Ritratti
  • Kuntatt
  • Donazzjoni
  • English
Listen Live

Aħna Radju Marija

Il-Missjoni Tagħna

Il-Missjoni ta’ Radju Marija Malta hija li jkun leħen nisrani f’kull dar f’Malta u Għawdex u lil hinn. Radju Marija Malta jagħmel parti mill-Familja Dinjija ta’ Radju Marija. Mhuwiex Radju tal-Knisja imma għall-Knisja. It-temi ewlenin tal-programmazzjoni huma l-Liturġija tas-Sigħat, il-Quddiesa, ir-Rużarju Mqaddes u talb devozzjonali ieħor. Radju Marija jwassal ukoll katekeżi u jittratta temi li jvarjaw mill-professjoni tal-fidi, kwistjonijiet soċjali, programmi ta’ żvilupp uman u soċjali, kif ukoll aħbarijiet mill-Knisja u s-soċjetà. Radju Marija ma jxandarx riklami kummerċjali. Il-ħidma kollha tar-Radju u t-tixrid tiegħu hija afdata lill-Providenza Divina.

L-Istorja Tagħna

Radju Marija Malta beda jxandar uffiċjalment fil-31 ta’ Mejju 1995, minn żewġt ikmamar ċkejkna fil-Kunvent tal-Patrijiet Dumnikani r-Rabat. Dak iż-żmien kien radju lokali bl-isem Radio 106 u kien jittrażmetti fuq frekwenza komunitarja. Fil-5 ta’ Meju 1998, Radio 106 ingħaqad mal-World Family of Radio Maria u hekk sar Radju Marija Malta. Huwa l-ħames pajjiż li beda jxandar bħala Radju Marija. Ftit wara twaqqfet l-Assoċjazzjoni Radju Marija Malta (ARM) u minn dakinhar Radju Marija Malta kompla jikber. Wara ħafna taħbit, fis-17 ta’ Ġunju 2004, Radju Marija beda jittrażmetti fuq il-frekwenza 102.3 FM bl-liċenzja nazzjonali u għalhekk Radju Marija issa seta’ jilħaq lil Malta u Għawdex.

Maż-żmien inħass il-bżonn ta’ sede akbar u li tixraq aħjar għax-xandir tal-Kelma t’Alla. Wara xhur ta’ tiftix u b’ġenerożità kbira tas-semmiegħa nxtrat dar fi Triq San Vinċenz Ferreri fir-Rabat li kellha tilqa’ fiha l-istudjos il-ġodda ta’ Radju Marija.

Mons Arċisqof Charles J. Scicluna bierek u inawgura d-dar il-ġdida ta’ Radju Marija fil-31 ta’ Mejju 2019 fil-preżenza tad-Direttur Fr Antoine Borg, il-President tal-ARM is-Sinjura Yvonne Chircop, l-impjegati u l-voluntiera u rappreżentanti mill-World Family of Radio Maria.

Radju Marija Malta jifforma parti mill-World Family of Radio Maria (WFRM) li hija mifruxa f’aktar minn 80 pajjiż madwar il-kontinenti kollha. L-għan ta’ Radju Marija madwar id-dinja huwa li nippromwovu l-messaġġ ta’ ferħ u tama tal-Evanġelju permezz tal-Kelma ta’ Alla u biex ngħinu nifhmu aktar it-twemmin u t-tagħlim Kristjan.

Radju Marija huwa mmexxi mill-Assoċjazzjoni Radju Marija ffurmata minn voluntiera li għandhom għal qalbhom ir-Radju. Minn dawn kull tliet snin jinħatar Bord Direttiv li minnu jiġi elett President. Bħalissa Radju Marija Malta għandu 9 impjegati fil-qasam tekniku u amministrattiv u mijiet ta’ voluntiera li jgħinu fil-produzzjoni u l-preżentazzjoni tal-programmi, fit-tqassim tal-fuljetti, fl-amministrazzjoni tar-reception u fil-promozzjoni. Katina ta’ persuni li jaraw li Radju Marija jxandar programmi 24 siegħa kuljum biex ikomplu jkun leħen nisrani fid-djar ta’ dawk kollha li jilqgħuh.

Radju Marija huwa miraklu ħaj! Radju Marija ma jxandarx reklami kummerċjali u jiddependi biss mid-donazzjonijiet li jibagħtu s-semmiegħa u fuq kollox mill-Providenza Divina. Radju Marija huwa kkonsagrat lil Ommna Marija, kewkba tal-Evanġelizzazzjoni li ddawwal il-passi ta’ kull min għandu sehem mit-teħid tad-deċiżjonijiet u t-tmexxija f’dan il-proġett hekk sabiħ. Aħna nemmnu bis-sħiħ fil-proġett u l-missjoni tal-evanġelizzazjoni għaliex jeħtieġ li nkomplu nwasslu l-Kelma t’Alla, it-Tagħlim tal-Knisja Kattolika u nkabbru l-imħabba lejn ommna Marija li żgur tfawwar lis-semmiegħa u lilna b’ħafna barkiet.

L-Assoċjazzjoni Radju Marija Malta

L-Assoċjazzjoni Radju Marija Malta jew ARM fil-qasir hija moviment organizzattiv indipendenti minn partiti politiċi, awtoritajiet ċivili u minn istituzzjonijiet governattivi jew kummerċjali. Hija organizzazzjoni kompletament volontarja, awtonoma u ma taħdimx għal profitt. L-ARM hija magħmula minn grupp ta’ voluntiera li għandhom għal qalbhom lil Radju Marija u tfittex li tara li l-ħidma tar-Radju titwettaq bl-aħjar mod għat-tixrid tal-Kelma t’Alla u tat-Tagħlim tal-Knisja taħt il-ħarsien ta’ Ommna Marija. L-ARM jiltaqa’ mill-inqas darba f’sena u kull tliet snin jinħatar Bord Direttiv li jkollu f’idejh it-tmexxija tar-Radju. Mill-Bord Direttiv jinħatar President li flimkien mad-Direttur tar-Radju jkun il-mutur u t-tmun tar-Radju f’konformità ma’ dak li titlob il-World Family of Radio Maria. Il-Bord Direttiv jiltaqa’ mill-inqas darba f’xahar jew aktar skont l-eżiġenzi tal-istazzjon u jiddiskuti l-andament tar-Radju u kif Radju Marija jista’ dejjem jilħaq aktar djar u semmiegħa. Il-membri kollha fl-ARM huma voluntiera u ma jirċievu l-ebda ħlas għall-ħidma tagħhom.

It-Tim ta' Radju Marija

Bridget Micallef

President Assoċjazzjoni Radju Marija Malta (Voluntiera)

Fr Antoine Borg

Direttur Editorjali

Albert Brincat

Koordinatur Editorjali

Joan Sammut

Koordinatur Editorjali

Marvin Mansueto

Koordinatur tal-Istazzjon

Saviour Chircop

Uffiċjal Tekniku Għoli

Emilio Farrugia

Uffiċjal Tekniku

Moira Bugeja

Koordinatriċi Reception

  • Donazzjonijiet
  • Aħbarijiet
  • Fuljett
  • Dwarna
  • Ritratti
  • Voluntiera
  • On Demand
  • Talb
  • Ikkuntattjana

Contact Information

(+356) 21 453 105
[email protected]

© 2020 Radju Marija

  • Regoli tal-Privatezza
Powered By9H Digital
We use cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue to use this site we will assume that you are happy with it.Ok