• Dwarna
  • On Demand
  • Aħbarijiet
  • Ritratti
  • Kuntatt
  • Donazzjoni
  • English
  • Dwarna
  • On Demand
  • Aħbarijiet
  • Ritratti
  • Kuntatt
  • Donazzjoni
  • English
Listen Live

Aħna Radju Marija

Il-Missjoni Tagħna

Il-Missjoni ta’ Radju Marija Malta hija li jkun leħen nisrani f’kull dar f’Malta u Għawdex u lil hinn. Radju Marija Malta jagħmel parti mill-Familja Dinjija ta’ Radju Marija. Mhuwiex Radju tal-Knisja imma għall-Knisja. It-temi ewlenin tal-programmazzjoni huma l-Liturġija tas-Sigħat, il-Quddiesa, ir-Rużarju Mqaddes u talb devozzjonali ieħor. Radju Marija jwassal ukoll katekeżi u jittratta temi li jvarjaw mill-professjoni tal-fidi, kwistjonijiet soċjali, programmi ta’ żvilupp uman u soċjali, kif ukoll aħbarijiet mill-Knisja u s-soċjetà. Radju Marija ma jxandarx riklami kummerċjali. Il-ħidma kollha tar-Radju u t-tixrid tiegħu hija afdata lill-Providenza Divina.

L-Istorja Tagħna

Radju Marija Malta beda jxandar uffiċjalment fil-31 ta’ Mejju 1995, minn żewġt ikmamar ċkejkna fil-Kunvent tal-Patrijiet Dumnikani r-Rabat. Dak iż-żmien kien radju lokali bl-isem Radio 106 u kien jittrażmetti fuq frekwenza komunitarja. Fil-5 ta’ Meju 1998, Radio 106 ingħaqad mal-World Family of Radio Maria u hekk sar Radju Marija Malta. Huwa l-ħames pajjiż li beda jxandar bħala Radju Marija. Ftit wara twaqqfet l-Assoċjazzjoni Radju Marija Malta (ARM) u minn dakinhar Radju Marija Malta kompla jikber. Wara ħafna taħbit, fis-17 ta’ Ġunju 2004, Radju Marija beda jittrażmetti fuq il-frekwenza 102.3 FM bl-liċenzja nazzjonali u għalhekk Radju Marija issa seta’ jilħaq lil Malta u Għawdex.

Maż-żmien inħass il-bżonn ta’ sede akbar u li tixraq aħjar għax-xandir tal-Kelma t’Alla. Wara xhur ta’ tiftix u b’ġenerożità kbira tas-semmiegħa nxtrat dar fi Triq San Vinċenz Ferreri fir-Rabat li kellha tilqa’ fiha l-istudjos il-ġodda ta’ Radju Marija.

Mons Arċisqof Charles J. Scicluna bierek u inawgura d-dar il-ġdida ta’ Radju Marija fil-31 ta’ Mejju 2019 fil-preżenza tad-Direttur Fr Antoine Borg, il-President tal-ARM is-Sinjura Yvonne Chircop, l-impjegati u l-voluntiera u rappreżentanti mill-World Family of Radio Maria.

Radju Marija Malta jifforma parti mill-World Family of Radio Maria (WFRM) li hija mifruxa f’aktar minn 80 pajjiż madwar il-kontinenti kollha. L-għan ta’ Radju Marija madwar id-dinja huwa li nippromwovu l-messaġġ ta’ ferħ u tama tal-Evanġelju permezz tal-Kelma ta’ Alla u biex ngħinu nifhmu aktar it-twemmin u t-tagħlim Kristjan.

Radju Marija huwa mmexxi mill-Assoċjazzjoni Radju Marija ffurmata minn voluntiera li għandhom għal qalbhom ir-Radju. Minn dawn kull tliet snin jinħatar Bord Direttiv li minnu jiġi elett President. Bħalissa Radju Marija Malta għandu 9 impjegati fil-qasam tekniku u amministrattiv u mijiet ta’ voluntiera li jgħinu fil-produzzjoni u l-preżentazzjoni tal-programmi, fit-tqassim tal-fuljetti, fl-amministrazzjoni tar-reception u fil-promozzjoni. Katina ta’ persuni li jaraw li Radju Marija jxandar programmi 24 siegħa kuljum biex ikomplu jkun leħen nisrani fid-djar ta’ dawk kollha li jilqgħuh.

Radju Marija huwa miraklu ħaj! Radju Marija ma jxandarx reklami kummerċjali u jiddependi biss mid-donazzjonijiet li jibagħtu s-semmiegħa u fuq kollox mill-Providenza Divina. Radju Marija huwa kkonsagrat lil Ommna Marija, kewkba tal-Evanġelizzazzjoni li ddawwal il-passi ta’ kull min għandu sehem mit-teħid tad-deċiżjonijiet u t-tmexxija f’dan il-proġett hekk sabiħ. Aħna nemmnu bis-sħiħ fil-proġett u l-missjoni tal-evanġelizzazjoni għaliex jeħtieġ li nkomplu nwasslu l-Kelma t’Alla, it-Tagħlim tal-Knisja Kattolika u nkabbru l-imħabba lejn ommna Marija li żgur tfawwar lis-semmiegħa u lilna b’ħafna barkiet.

L-Assoċjazzjoni Radju Marija Malta

L-Assoċjazzjoni Radju Marija Malta jew ARM fil-qasir hija moviment organizzattiv indipendenti minn partiti politiċi, awtoritajiet ċivili u minn istituzzjonijiet governattivi jew kummerċjali. Hija organizzazzjoni kompletament volontarja, awtonoma u ma taħdimx għal profitt. L-ARM hija magħmula minn grupp ta’ voluntiera li għandhom għal qalbhom lil Radju Marija u tfittex li tara li l-ħidma tar-Radju titwettaq bl-aħjar mod għat-tixrid tal-Kelma t’Alla u tat-Tagħlim tal-Knisja taħt il-ħarsien ta’ Ommna Marija. L-ARM jiltaqa’ mill-inqas darba f’sena u kull tliet snin jinħatar Bord Direttiv li jkollu f’idejh it-tmexxija tar-Radju. Mill-Bord Direttiv jinħatar President li flimkien mad-Direttur tar-Radju jkun il-mutur u t-tmun tar-Radju f’konformità ma’ dak li titlob il-World Family of Radio Maria. Il-Bord Direttiv jiltaqa’ mill-inqas darba f’xahar jew aktar skont l-eżiġenzi tal-istazzjon u jiddiskuti l-andament tar-Radju u kif Radju Marija jista’ dejjem jilħaq aktar djar u semmiegħa. Il-membri kollha fl-ARM huma voluntiera u ma jirċievu l-ebda ħlas għall-ħidma tagħhom.

Il-bidu ta' Radio Maria fl-Italja u lil hinn minn Padre Livio Fanzaga

Radio Maria huwa stazzjon tar-radju Kattoliku privat li jappartjeni lill-Assoċjazzjoni Radio Maria.

L-Assoċjazzjoni Radio Maria twaqqfet fit-12 ta’ Jannar 1987 u għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’Via Milano 12, Erba, fil-provinċja ta’ Como.

L-ewwel President ta’ Radio Maria kien Emanuele Ferrario (li qeda mill-1987 sal-2015) u mar lura f’dar il-Missier fit-8 ta’ Lulju 2020.
Emanuele Ferrario bena l-istruttura teknika u amministrattiva ta’ Radio Maria u wasslu madwar l-Italja u wara mal-ħames kontinenti, grazzi għall-impenn leali tas-semmiegħa Taljani.

L-ewwel Direttur ta’ Radio Maria u l-Konsulent tad-Diretturi għall-Familja Dinjija ta’ Radju Marija huwa Padre Livio Fanzaga, membru tal-Ordni reliġjuż tal-Piaristi. Padre Livio kien diġà involut fir-radju ċkejken tal-parroċċa sa mill-1986 u sar id-Direttur tiegħu fl-1988.

Mal-ħatra tiegħu bħala Direttur, Padre Livio nissel lil Radio Maria bħala stazzjon tar-radju Kattoliku li jsejjaħ lin-nies għall-konverżjoni, li jħabbar l-Evanġelju, li jippromwovi d-devozzjoni Marjana u l-valuri soċjali Insara, f’komunjoni mal-Knisja Kattolika.

Roberta Zappa ilha wkoll involuta f’Radio Maria sa mill-1986, meta kien għadu stazzjon tar-radju ċkejken tal-parroċċa u kontinwament sawret il-format tiegħu tax-xandir skont il-ħtiġijiet taż-żminijiet.

Vittorio Viccardi ilu President tal-Familja Dinjija ta’ Radio Maria mill-2015.

Radio Maria infirex lil hinn mill-Italja wara li rċieva talbiet minn bosta realtajiet ekkleżjali sakemm eventwalment laħaq kull kontinent: l-Amerki fl-1992, l-Afrika fl-1993, l-Ażja fl-2002 u finalment l-Oċeanja fl-2007.

Il-Familja Dinjija ta’ Radju Marija twaqqfet fl-1998. Bil-mandat u l-appoġġ ta’ Radio Maria Italia, tgħin it-tixrid ta’ Radio Maria fid-dinja u għanha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’Via Rusticucci 13 in Rome.

Fl-Italja, Radio Maria jxandar mal-pajjiż kollu permezz ta’ 850 FM transmitters u fuq in-netwerk tar-radju diġitali DAB. Jopera mingħajr riklami u ma jaċċetta l-ebda sponsorizzazzjoni jew finanzjament minn organizzazzjonijiet privati li jistgħu jxekklu l-ħelsien tiegħu.

L-istazzjon tar-radju jilħaq nies minn realtajiet mill-aktar umli sa persuni mgħallma, l-anzjani iżda wkoll liż-żgħażagħ, u sar l-iktar stazzjon Kattoliku segwit fl-Italja. Wieħed minn kull għaxar Taljani jisma’ Radio Maria u kien hemm għadd kbir ta’ xhieda ta’ konverżjoni.

Radio Maria huwa għas-servizz tal-Knisja kollha. Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa u lajċi huma lkoll involuti fl-iżvilupp tal-programmazzjoni tiegħu. Il-parroċċi, il-komunitajiet reliġjużi, il-monasteri, l-isptarijiet u saħansitra l-ħabsijiet ukoll jieħdu sehem fit-tmexxija tat-talb ta’ kuljum permezz ta’ xandiriet diretti kuljum.

Ir-rwol importanti tal-president Emanuele Ferrario fit-tiswir ta' Radio Maria

Minn Padre Livio — 8 ta’ Lulju 2026

Qabel nirrifletti dwar il-kollaborazzjoni tiegħi mal-President Emanuele Ferrario, li bdiet fl-1987, is-sena li fiha twaqqfet l-Assoċjazzjoni Radio Maria, u kompliet sa meta mar lura f’dar il-Missier fit-8 ta’ Lulju 2020, nixtieq nagħmel punt li huwa essenzjali għalina bħala Nsara u semmiegħa ta’ Radio Maria.

Radio Maria huwa don minn Marija u b’mod partikolari mis-Sultana tal-Paċi. Jekk ninsew l-oriġini sopranaturali ta’ din il-ħidma straordinarja ta’ Alla nkunu qed nidinbu għax prużuntużi.

Fl-oriġini ta’ Radio Maria hemm il-Madonna, li ssejħilna biex inwettqu l-pjan tagħha ta’ konverżjoni u evanġelizzazzjoni, għas-servizz tal-Knisja u għas-salvazzjoni tal-erwieħ.
Ġesù nnifsu jfakkarna li, minkejja li nkunu għamilna dak kollu li jkun talabna nagħmlu, jeħtieġ li nibqgħu nagħrfu li aħna qaddejja li ma niswew għal xejn.

Meta naħsbu dwar l-istorja ta’ Radio Maria, jeħtieġ li ngħollu għajnejna lejn is-Sema. Min-naħa waħda dan jgħinna naraw l-id t’Alla li tgħinna u tmexxina; min-naħa l-oħra, turina l-inċertezza tal-passi tagħna u kif, xi kultant, nitbiegħdu mit-triq.

L-ewwel laqgħa tiegħi ma’ Ferrario saret fir-rebbiegħa tal-1987, ftit wara li twaqqfet l-Assoċjazzjoni Radio Maria u akkwistat l-istazzjon ċkejken tar-radju tal-parroċċa li minnu bdew jixxandru l-messaġġi ta’ Medjugorje.

Ferrario kellimni, b’konvinzjoni li tissorprendik, dwar il-pjan tiegħu li jwaqqaf stazzjon tar-radju Marjan mal-Italja kollha u dwar il-bżonn li jsib saċerdot li jaqdi bħala Direttur u jaħdem biex jitwettaq dan l-għan.

Ferrario kellimni dwar is-sejħa tiegħu, u jien ukoll, wara l-pellegrinaġġ tiegħi f’Medjugorje, ħassejtni mħeġġeġ bl-istess xewqa li naqdi lill-Madonna. Il-proġett sar realtà ftit xhur wara, meta s-Superjuri tiegħi tawni l-permess li niddedika lili nnifsi għal Radio Maria bħala d-Direttur tiegħu u bħala membru tal-Bord ta’ Tmexxija tiegħu.

L-ewwel deċiżjoni li ħadna flimkien kienet li nsibu post ġdid għal Radio Maria qrib Erba, mifrud mill-parroċċa, għaliex il-Knisja ma setgħetx tkun involuta direttament bid-dehriet Marjani li kienu, dak iż-żmien, għadhom kontroversjali u mhux magħrufa sew.

Ferrario kien jaf sew li proġett nazzjonali bħal dan – stazzjon tar-radju Kattoliku u Marjan li kellu jinbena mill-bidu – ma kien ikollu l-ebda ċans ta’ suċċess mingħajr l-immaniġġjar awtorevoli tal-kontenut tiegħu.

Għalhekk qsamna l-oqsma ta’ ħidma rispettivi tagħna skont is-sens komun u fi spirtu ta’ servizz lejn il-Qaddejja tal-Mulej.

Ferrario, bħala President u imprenditur, ħa r-responsabbiltà tal-immaniġġjar finanzjarju u tekniku tal-istazzjon, bl-għan li jkompli jiżviluppa, l-ewwel fl-Italja u aktar tard madwar il-ħames kontinenti. Id-determinazzjoni tiegħu li jilħaq fruntieri ġodda ma kellhiex limiti.

Padre Livio, bħala Direttur, nissel u bena Radio Maria ġdid, iddefinixxa l-kariżma tiegħu, l-għanijiet u l-programmazzjoni, agħżel il-preżentaturi u ħa ħsieb is-salvagwardja tal-ortodossija duttrinali u r-relazzjonijiet mal-Knisja.

Kull filgħodu, kmieni mal-ġurnata, konna nitkellmu bit-telefon u naqsmu ideat u noffru pariri lil xulxin.

Fl-istess waqt, iż-żagħżugħa Roberta b’fedeltà kienet qed issawwar il-format tax-xandir tal-istazzjon bħal biċċa xogħol tal-arti fi proċess kostanti ta’ titjib.

Għal dak li kellu x’jaqsam mar-riżorsi finanzjarji, Ferrario ħaddan bil-qalb id-deċiżjoni qawwija tiegħi li ma naċċettawx riklami u li nserrħu esklussivament fuq donazzjonijiet mis-semmiegħa.

Sa mill-bidu nett, ix-xogħol tiegħi kien li ngħarraf lis-semmiegħa kuljum bil-bżonnijiet tal-istazzjon. Ferrario dejjem żammni infurmat dwar id-donazzjonijiet li kienu jaslu bil-posta jew fil-banek u kien jippjana investimenti skont il-fondi li kien ikollna miġbura.

Kien spiss jiċċajta u jgħid li xogħol Padre Livio kien li jħeġġeġ għad-donazzjonijiet filwaqt li hu (Ferrario) kellu jinvestihom fl-istazzjon tar-radju u l-espansjoni tiegħu.

Fl-istess waqt, Ferrario kien imexxi wkoll il-kumpanija privata tiegħu, li kien dejjem iżomm kompletament separata mill-immaniġġjar ta’ Radio Maria. Huwa qiegħed il-ħiliet intraprenditorjali straordinarji tiegħu u d-dedikazzjoni kbira tiegħu għas-servizz tal-proġett ta’ Radio Maria, iżda mhux ir-riżorsi finanzjarji personali tiegħu, kif huwa stess kemm-il darba fakkar.

Ferrario, qaddej fidil, baqa’ fil-kariga tiegħu sal-aħħar, saħansitra wara li għadda r-responsabbiltà lis-suċċessur tiegħu, il-President attwali, Vittorio Viccardi. Dakinhar tal-funeral tiegħu, jien minn wara l-mikrofoni ta’ Radio Maria għedt li Emanuele Ferrario intlaqa’ fil-Ġenna bi standing ovation.

Fl-aħħar mill-aħħar, dak li jgħodd huwa li tilħaq il-Ġenna u li tmexxi lil ħajtek lejn dak l-għan. Ejjew inħallu lill-Missier Etern jagħti l-ġieħ tas-sema, l-unika unur li jgħodd tassew.

Ejjew nitgħallmu minn Emanuele Ferrario, mill-imħabba li kellu għal Ommna Marija u għal Radio Maria, u nipperseveraw u naħdmu bla waqfien kif għamel hu, għaliex dan huwa s-sigriet tas-suċċess tal-proġett ta’ Radio Maria.

It-Tim ta' Radju Marija

Bridget Micallef

President Assoċjazzjoni Radju Marija Malta (Voluntiera)

Fr Antoine Borg

Direttur Editorjali

Albert Brincat

Koordinatur Editorjali

Joan Sammut

Koordinatur Editorjali

Marvin Mansueto

Koordinatur tal-Istazzjon

Moira Bugeja

Promotriċi

Saviour Chircop

Uffiċjal Tekniku Għoli

Emilio Farrugia

Uffiċjal Tekniku

  • Donazzjonijiet
  • Aħbarijiet
  • Fuljett
  • Dwarna
  • Ritratti
  • Voluntiera
  • On Demand
  • Talb
  • Ikkuntattjana

Contact Information

(+356) 21 453 105
[email protected]

© 2020 Radju Marija

  • Regoli tal-Privatezza
Powered By9H Digital
We use cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue to use this site we will assume that you are happy with it.