April – Il-Kappella tal-Lunzjata, is-Siġġiewi

Niskopru l-kalendarju ta’ Radju Marija għall-2021

Bħal kull sena Radju Marija ppubblika l-kalendarju tiegħu u għall-2021 kull xahar huwa mżejjen b’ritratt sabiħ ta’ 12-il kappella mill-ħafna li għandna fl-ibliet u  fl-irħula tagħna. Din l-informazzjoni tassew interessanti nġabret mis-Sur Louis Fenech.

April – Il-Kappella tal-Lunzjata, is-Siġġiewi

Il-Kappella tat-Tħabbira tal-Anġlu Gabrijel lill-Madonna tinsab fil-kampanja tas-Siġġiewi fuq is-Salib tal-Għolja u hija oħra mill-ħafna kappelli mxerrda madwar dan ir-raħal antik. Din il-kappella hija kkunsidrata bħala patrimonju storiku u kulturali kemm għas-Siġġiewi kif ukoll għal Malta.

Id-data tal-bini tal-ewwel kappella mhux magħruf eżatt iżda jmur lura għas-seklu ħmistax fuq artijiet tad-Dekan tal-Katidral, Dun Guliermu Tonna li ta’ kull sena kien iħallas minn butu biex jagħmel tajjeb għal dak kollu meħtieġ għall-manutenzjoni u biex issir il-Festa tal-Annunzjata kif jixraq. Il-kappella ġġarrfet kemm-il darba u aktarx li reġgħet inbniet fl-1494 u wkoll fl-1680. Fuq il-bibien li kienu jagħtu għas-sagristija kien hemm żewġ stemmi tal-Gran Mastru Carafa u l-Isqof Molina. Dawn l-istemmi għadhom jidhru sal-lum minkejja d-diversi ħsarat u interventi ta’ tiswijiet li saru f’din il-kappella. Minn studji li saru dan l-aħħar jidher li din il-kappella nbniet fuq blat mixquq li qed jistrieħ fuq it-tafal u għalhekk kull ċaqliqa li jagħmel il-blat tinħass f’din il-kappella.

Il-kappella ġarrbet ħafna ħsarat u kellha terġa’ tinbena wara t-terremot tal-1693. Ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Alpharan de Bussan fl-1749 u meta dan l-Isqof żarha fl-1754 qal li kienet miżmuma tajjeb ħafna. B’xorti ħażina reġgħet intlaqtet minn terremot ieħor fl-1856 u sena wara ġiet restawrata bi flus il-poplu u għal darb’oħra kellha terġa’ ssirilha ħafna tiswija wara t-terremot tal-1923.

Din il-kappella tissemma fil-viżta li kien għamel Mons Pietru Dusina fl-1575 fejn jgħid li żar knisja fuq għolja li kienet magħrufa bħala x-Xagħra tal-Fuqanija tal-Qassis. Kellha altar wieħed; bieb u paviment iżda ma kellhiex rettur, introjtu u affarijiet oħra neċessarji. Hemm miktub ukoll li ċertu Salvatore Montagnere kellu xi raba’ li mid-dħul tagħhom kien obbligat li fil-jum tal-festa tal-Lunzjata jara li jsir l-għasar u l-quddies. Kellu jħallas lill-qassisin li jattendu u jagħti jieklu lill-fqar li jattendu.

Din il-kappella għandha forma rettangolari b’faċċata sempliċi u kampnar. Il-qanpiena li kellha xbieha tal-Kunċizzjoni u l-arma tal-Papa Piju IX illum tinsab fuq il-bejt taċ-Ċentru Pastorali fiż-Żona ta’ Kirċippu u l-kwadru titulari jinsab fis-Sagristija tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi.

Illum il-ġurnata l-kappella tinsab fi stat ħażin ħafna tant li ilha bil-bieb magħluq aktar minn ħamsin sena. Parti mis-saqaf tagħha kien iġġarraf u l-konsenturi fil-ħitan tagħha dejjem jitwessgħu. Tant hu hekk li biex ikun evitat il-periklu ġiet imdawra bi gradi tal-ħadid. Jidher li nstabu l-fondi għar-restawr ta’ din il-kappella li jammonta għal miljun ewro u dan se jitħallas mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali wara rapport li sar bit-tħabrik tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u l-Arċidjoċesi ta’ Malta. Se jsir ukoll restawr tas-Salib tal-Għolja magħruf bħala Laferla Cross.

Share This On