Frar – Il-Knisja tat-Twelid ta’ Marija, ir-Rabat

Niskopru l-kalendarju ta’ Radju Marija għall-2021

Bħal kull sena Radju Marija ppubblika l-kalendarju tiegħu u għall-2021 kull xahar huwa mżejjen b’ritratt sabiħ ta’ 12-il kappella mill-ħafna li għandna fl-ibliet u fl-irħula tagħna. Din l-informazzjoni tassew interessanti nġabret mis-Sur Louis Fenech.

Frar – Il-Knisja tat-Twelid ta’ Marija, ir-Rabat

Il-Knisja tat-Twelid ta’ Marija hija waħda minn aktar minn 20 knisja u kappella li li nsibu fir-Rabat fejn hemm ukoll għadd ta’ kunventi ta’ ordnijiet reliġjużi. Din il-Knisja tinsab fl-inħawi tal-Għeriexem u r-Rabtin isibuha bħala Ta’ Casha għaliex il-fundatur tagħha huwa ċertu Vinċenzo Casha. Aktarx li nbniet f’nofs is-Seklu XV ħdejn ġnien tal-familja Cassia.

Fl-1615 wara żjara pastorali, l-Isqof Baldassare Cagliares jgħid li kienet miżmuma tajjeb ħafna. Kellha kwadru li juri lill-Madonna bil-Bambin f’ħoġorha u San Ġwann Battista. Jinnota wkoll li mal-ġnub tal-ħitan kien hemm id-dukkiena. Ħafna knejjes kellhom dan, li kien speċi ta’ bank baxx tal-ġebel, li kienet xi ħaġa normali fi knejjes medjevali.

Fl-1665, il-Vigarju Kapitulari Mons Dumink Attard jgħidilna li l-knisja kienet dedikata lit-Twelid tal-Madonna.

Fiż-żjara ta’ Lucas Buenos fl-1667, dan l-isqof jgħid li l-knisja kienet dedikata lill-Viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Eliżabetta.

Fiż-żjara pastorali ta’ David Cocco Palmieri fl-1699 jgħidilna li kienet issir festa fit-2 ta’ Frar, festa tal-purifikazzjoni tal-Madonna. Iżda fi żjara li kien għamel aktar tard jgħidilna li l-festa kienet issir fit-8 ta’ Settembru, festa tat-Twelid tal-Madonna.

Fl-1771, l-Isqof Giovanni Carmine Pellerano jgħidilna li kienet magħrufa bħala Santa Marija ta’ Casha u l-kwadru titular kien tal-Kunċizzjoni.

Jidher mid-diversi viżti pastorali li l-knisja kienet taħt titli differenti sakemm meta reġgħet inbniet fl-1700 id-dedikazzjoni ġiet ikkonfermata għat-Twelid tal-Madonna.

Il-knisja tinsab fit-tarf tat-triq ta’ quddiem il-knisja parrokkjali, fejn fil-Ħdud u l-festi jintrama s-suq. Tinsab taħt il-livell tat-triq, u biex tidħol għalija trid tinżel tliet tarġiet u tgħaddi minn ċimiterju ta’ 24 qabar li jinsab quddiem imiss mal-knisja. Skont Mons Ġwann Azzopardi, hemm jinsabu midfuna Patrijiet Karmelitani li kienu mietu bil-marda tal-pesta.

Il-knisja għandha faċċata sempliċi b’bieb fin-nofs dekorat bejn żewġ pilastri ta’ stil Korint. Fuq iċ-ċinta jinsab fontispizju ftit dekorat u salib fuq pedament segmentali. Il-kampnar li tlesta f’Novembru 1919 jinsab fuq il-ġenb tal-knisja, b’qanpiena waħda li nħadmet fil-funderija San Carlo fl-1931. Minn ġewwa s-saqaf huwa mżejjen b’arkitettura sabiħa u hemm twieqi biex idawlu l-knisja.

L-uniku altar tal-ġebel ħallas għalih Dr Ignazio Bonnici u t-tabernaklu huwa sabiħ immens. It-titular juri lil Sant’Anna fuq sodda, bit-tarbija Verġni Marija u maġenbha hemm San Ġwakkin u xi anġli mdawrin magħhom. Fuq kull naħa tal-artal insibu żewġ kwadri antiki li juru lill-Appostli San Mattija u San Tumas. Dawn kienu parti minn sett ta’ tnax li llum jinsabu fil-Mużew Wignacourt. Hemm bosta bċejjeċ oħra ta’ arti f’din il-knisja.

Din il-knisja hija ħafna għal qalb ir-Rabtin u ta’ kull sena tiġi ċċelebrata l-festa tal-Vitorja b’solennità kbira fit-8 ta’ Settembru. Fil-knisja tiġi ċċelebrata wkoll il-festa tal-Gandlora u f’Novembru jitbierku l-oqbra li fi żmien kellhom lapidi tal-irħam.

Bħal ħafna knejjes, fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-knisja laqgħet fiha xi refuġjati u ġew alloġġati żewġ familji. Għal żmien twil kien Ġużeppi Falzon li kien jieħu ħsieb din il-knisja u warajh Ġeraldu Attard, soċju tal-Museum li kien jgħix qrib ħafna tal-knisja.

Illum, il-knisja li tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna, jieħu ħsiebha Luke Micallef li huwa wkoll is-sagristan tal-parroċċa. Bħalissa mhux qed isir quddies però l-knisja tintuża għal laqgħat ta’ talb minn bosta għaqdiet reliġjużi. Ir-rettur tal-knisja huwa l-arċipriet tal-parroċċa tar-Rabat.

Share This On