Ġunju – Il-Knisja tal-Kunċizzjoni f’Wied Qannota – San Pawl il-Baħar

Imperċa fuq il-wied, f’ħemda u kalma li tinkiser biss bil-ħsejjes ta’ xi mutur tal-ħart jew inġenji oħra tar-raba’, tinsab knisja żgħira dedikata lil-Kunċizzjoni.

Din il-knisja kienet ikkummisjonata min-Nobbli Garzia Monpalao fil-bidu tas-seklu sittax. Fil-bidu din kienet dedikata lit-Twelid tal-Madonna. Iżda wara li nbniet mill-ġdid, għax kienet mitluqa, b’digriet tat-30 ta’ Ġunju 1717, l-Isqof Cannaves ordna li tiġi dedikata lill-Kunċizzjoni, u li l-festa tibda ssir fit-8 t’ Diċembru.

Il-knisja għandha forma rettangulari u l-artal tal-ġebel kien f’apside fejn kien hemm il-kwadru tal-Kunċizzjoni. Fuq kull naħa tal-altar hemm żewġ bibien li fiż-żmien kienu jagħtu għal sagristija.

Il-knisja għandha faċċata sempliċi. Żewġ pilastri jitilgħu saċ-ċinta. Bieb kwadru, bejn żewġ twieqi, użati għal meta l-knisja tkun magħluqa, u min jgħaddi minn ħdejha seta jieqaf jittawwal u jgħid xi talb. Fuqu hemm arma b’kuruna, iżda x’kien hemm miktub ma jingħarafx. Xi sit filati ‘l fuq insibu tieqa kwadra biex iddawwal ġewwa l-knisja.

Fuq l-apertura nsibu fontispizju b’arkata fejn xi darba kien hemm qanpiena. Fuq dan il-fontispizju hemm salib tal-ġebel.

Illum il-knisja tinsab mitluqa, u minn ġewwa żarmata minn kollox, u wieħed jista’ jobsor li hija ħasra kif għadu ma wasalx iż-żmien li tiġi restawrata.

B’hekk wieħed jista’ jgħid mingħajr dubju, li l-poplu Malti u Għawdxi minn dejjem kien devot tal-Madonna bil-ħafna titli differenti li għoġobna nagħtuha. Dawn barra l-ħafna altari li nsibu fil-knejjes parrokkjali li huma dedikati l-Kunċizzjoni, bi kwadri li juruha skont ma dehrlu li hi il-pittur li pittirha.

Share This On