Il-Mariathon 2021

Il-Mariathon 2021 – Is-semmiegħa ta’ Radju Marija Malta joffru €41,000 għall-bżonnijiet ta’ Radju Marija Portugall u Radju Marija fis-Sudan t’Isfel

Bejn l-Erbgħa 12 u l-Ġimgħa 14 ta’ Mejju Radju Marija Malta ngħaqad mal-kumplament tal-Familja Dinjija ta’ Radju Marija għall-Mariathon annwali fejn is-semmiegħa kollha ta’ Radju Marija madwar id-dinja joffru donazzjonijiet biex ir-radju jkompli jixtered f’aktar pajjiżi.

Din is-sena Radju Marija Malta għażel li jgħin lil Radju Marija fil-Portugall u Radju Marija fis-Sudan t’Isfel. Żewġ proġetti li missew il-qlub tas-semmiegħa Maltin li b’ġenerożità laqgħu l-appell ta’ Fr Antoine tant li nġabret is-somma sabiħa ta’ €41,000.

Il-Mariathon matul dawn it-tlett ijiem kienet tibda mit-8am sal-5pm fejn l-iskeda tal-programmi nbidlet biex inwasslu xandiriet diretti mill-istudjos tagħna b’aġġornamenti u kollegamenti anke ma’ Saċerdoti Diretturi ta’ stazzjonijiet oħra.

Nhar il-Ħamis 13 ta’ Mejju Radju Marija (Malta) ingħaqad ma’ Radio Maria tal-Portugall għall-ewwel xandira diretta ta’ dan l-istazzjon permezz tar-reċita tat-talba tar-Rużarju Mqaddes. Mument tassew sabiħ ta’ fraternità fejn mijiet ta’ eluf ta’ semmiegħa talbu flimkien din it-talba għażiża f’għelqu l-40 Anniversarju mill-attentat fuq ħajjet Ġwanni Pawlu II. Dakinhar ukoll ixxandret l-intervista li Fr Antoine għamel lid-direttur ta’ Radju Marija Portugall Fr Marco Fernando da Silva Luis.

Matul il-jiem tal-Mariathon Fr Antoine intervista u ppreżenta ċertifikat u tifkira lit-tliet semmiegħa żgħar li rebħu l-kompetizzjoni għall-aħjar tpinġijja ta’ San Ġużepp. Dawn it-tfal kienu akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom u qasmu magħna xi ħsibijiet.

Nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Mejju Fr Antoine intervista lil Fr Brian Gialanze, Kappillan tal-parroċċa tal-Kalkara imma wkoll preżentatur voluntier ta’ Radju Marija li kull nhar ta’ Ġimgħa jippreżenta l-programm Hello Kellimni…. Fr Antoine xtaq jintervista lil Fr Brian Gialanze minħabba li huwa semmiegħ antik tar-Radju li stqarr li l-vokazzjoni saċerdotali tiegħu nibtet tas-smiegħ tal-programmi ta’ Radju Marija.

Ħajr lill-istaff kollu (amministrazzjoni, editorjali, promozzjoni u teknika), il-voluntiera li għenu billi wieġbu t-telefonati tas-semmiegħa, dawk li kienu fir-reception tar-Radju, il-producers li tellgħu l-programmi, u kull min għen matul dawn il-jiem iżda fuq kollox grazzi lis-semmiegħa ta’ Radju Marija għall-ġenerożità li dejjem juru mar-Radju. F’isem il-Familja Dinjija, Rádio Maria Portugal u Radio Maria South Sudan ngħidulkom GRAZZI!!

Ritratti tal-Mariathon 2021

Share This On