Maratona ġbir ta’ fondi għal Radju Marija

Radju Marija għadu kif temm jumejn speċjali ta’ xandiriet fl-okkażjoni tal-Maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq ir-Radju bis-somma sabiħa ta’ €32,886.32 sat-8pm tal-Ħadd 8 ta’ Novembru. Dawn kienu jumejn fejn mit-8am sas-6pm id-Direttur ta’ Radju Marija Fr Antoine Borg żamm kuntatt kontinwu mas-semmiegħa filwaqt li appella għall-ġenerożità tas-semmiegħa. Ir-reception area kienet miftuħa għas-semmiegħa li waslu sar-Radju biex jagħtu d-donazzjoni tagħhom u jakkwistaw bosta artikli reliġjużi fosthom il-ktieb Il-Qalb tiegħi Tirbaħ, il-Kalendarju ta’ Radju Marija u l-kartolini tal-Milied stampati minn Radju Marija. Ġew mistiedna fir-Radju t-tradutturi tal-ktieb il-Qalb tiegħi Tirbaħ li ġew ippreżentati kopja ta’ dan il-ktieb li qed jintlaqa’ tajjeb ħafna.

Matul ix-xandiriet Fr Antoine għamel kollegamenti bit-telefon ma’ bosta producers li flimkien mas-semmiegħa taw l-esperjenzi tagħhom dwar Radju Marija. Semmiegħa regolari u oħrajn ġodda li għadhom kif ingħaqdu mal-familja kbira ta’ Radju Marija.

Radju Marija kellu żjara speċjali l-Ħadd fil-għodu mill-Isqof Awżiljarju Joe Galea-Curmi li ċċelebra quddiesa fil-kappella tar-Radju li xxandret fuq ir-Radju u fuq il-paġna tal-Facebook tar-Radju. Qabel il-quddiesa l-Isqof Awżiljarju Mons Joe Galea Curmi bierek irħama li fuqha hemm minquxa t-talba li niseġ il-Papa Ġwanni Pawlu II għal Radju Marija. Din l-irħama tqiegħdet fil-parapett tar-Radju. F’kelmtejn Mons Galea Curmi fakkar fil-motto ta’ Ġwanni Pawlu II, Totus Tuus u awgura li Radju Marija u aħna lkoll naħdmu biex inkunu kollna ta’ Marija u talab il-barka t’Alla fuq Radju Marija.

Wara t-tberik dawk kollha preżenti talbu t-talba ta’ Ġwanni Pawlu II li tgħid hekk:

Marija,
Urina l-għażliet tal-ħajja.
Farraġna fi żmien il-prova,
ħalli b’hekk, fidili
lejn Alla u lejn il-bniedem,
naffrontaw, b’umilta u kuraġġ,
it-triqat misterjużi tas-sema,
biex inwasslu f’moħħ u f’qalb
kull persuna, l-aħbar it-tajba
ta’ Kristu Redentur tal-bniedem.
Marija,
Kewkba ta’ l-evanġelizazzjoni,
imxi magħna,
mexxi lil Radju Marija
u kun il-protettriċi tiegħu.

Din l-irħama ġiet irregalata mill-JP2 Foundation permezz tal-President u Fundatur tal-Fondazzjoni, il-Kommendatur Charles Zammit. Il-JP2 Foundation matul l-2020 qed ittella’ bosta attivitajiet fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twelid ta’ Karol Wojtyla u t-30 annivesarju miż-żjara ta’ Ġwanni Pawlu II f’pajjiżna bl-għan li jfakkru lil dan il-Papa kbir u jgħallmu dwaru lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.

Dawn il-jumejn servew ukoll biex is-semmiegħa jifhmu kemm huma kbar l-ispejjeż biex jitmexxa radju, ħlasijiet ta’ liċenzji, kontijiet tad-dawl, ħlas tal-pagi u taxxi, aġġornamenti fuq it-tagħmir u tant spejjeż oħra.

Għalkemm il-Maratona ġbir ta’ fondi ġiet fi tmiemha fit-8pm tal-Ħadd 8 ta’ Novembru tajjeb infakkru li n-numri tat-telefon għad-donazzjonijiet huma miftuħin is-sena kollha u tistgħu ssibuhom fis-sezzjoni DONAZZJONI.

Il-Mulej ikompli jbierek il-ġenerożità tagħkom għeżież semmiegħa.

Grazzi għeżież benefatturi! Viva Ġesù, Viva Marija, Viva Radju Marija!

Share This On