Maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq Radju Marija bejn is-7 u t-8 ta’ Novembru

Nhar is-Sibt 7 u l-Ħadd 8 ta’ Novembru Radju Marija se jorganizza maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq ir-Radju. L-ispejjeż biex jitħaddem radju huma kbar ħafna u Radju Marija jiddependi kompletament fuq il-ġenerożità tas-semmiegħa. Għalhekk nhar is-Sibt u l-Ħadd ingħaqdu ma’ Fr Antoine għal xandiriet speċjali mit-8:00am sas-6:00pm fejn se jagħmel kollegamenti bit-telefon ma’ ħafna mill-producers ta’ Radju Marija. Se jkun hemm il-linji tat-telefon miftuħa għalikom is-semmiegħa u se tkunu tistgħu wkoll titolbu flimkien ma’ Fr Antoine waqt il-ħin tat-talb.

Il-Ħadd se jżur Radju Marija l-Isqof Awżiljarju Mons Joe Galea Curmi u se jiċċelebra quddiesa mill-Kappella ta’ Radju Marija fl-10:30am li se tixxandar ukoll fuq ir-Radju. Xandira diretta oħra se tkun minn Għawdex flimkien ma’ Lelio Spiteri bejn is-2:00pm u t-3:00pm.

Intom is-semmiegħa mistiedna taslu sar-reception ta’ Radju Marija s-Sibt u l-Ħadd bejn it-8:00am u s-6:00pm biex tagħtu d-donazzjoni tagħkom u takkwistaw artikli reliġjużi oħra biex tgħinu lil Radju Marija. Wara s-6:00pm il-programmi jsegwu l-iskeda normali.

Minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-COVID 19 mhux se jkun possibbli li jkun hemm żjarat fil-binja ta’ Radju Marija u kull min iżur ir-reception mitlub jilbes il-maskra u jżomm id-distanza soċjali skont kif mitlub mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Donazzjonijiet jintlaqgħu wkoll b’sms jew b’telefonata kif ġej:

  • Donazzjoni b’sms:
    • 5061 8063 għal donazzjoni ta’ €4.66
    • 5061 9278 għal donazzjoni ta’ €11.65
  • Donazzjoni billi ċċempel:
    • 5160 2046 għal donazzjoni ta’ €10.00
    • 5170 2019 għal donazzjoni ta’ €15.00
    • 5180 2047 għal donazzjoni ta’ €25.00

Grazzi minn issa tal-għajnuna u s-sapport! Viva Ġesù, viva Marija, viva Radju Marija!

Share This On