Marzu – Il-Knisja tat-Tħabbira lill-Madonna, is-Salini

Niskopru l-Kalendarju ta’ Radju Marija Għall-2021

Bħal kull sena Radju Marija ppubblika l-kalendarju tiegħu u għall-2021 kull xahar huwa mżejjen b’ritratt sabiħ ta’ 12-il kappella mill-ħafna li għandna fl-ibliet u fl-irħula tagħna. Din l-informazzjoni tassew interessanti nġabret mis-Sur Louis Fenech.

Marzu – Il-Knisja tat-Tħabbira lill-Madonna, is-Salini

Il-Knisja tat-Tħabbira tal-Anġlu Gabrijel lill-Madonna tinsab fis-Salini, fuq in-naħa l-oħra ta’ Kennedy Grove u ftit passi ’l bogħod minn katakombi Paleo Kristjani. Sal-1971 kienet tagħmel mal-parroċċa tan-Naxxar iżda llum tagħmel mal-parroċċa ta’ Burmarrad u jsibuha bħala l-Kappella tal-Lunzjata. Skont Achille Ferris din hija knisja antika tas-seklu sittax u minn dejjem kienet devozzjonali. Fl-antik, il-kleru u l-poplu Naxxari, f’Lapsi, kien jinżel proċessjonalment biex itemm wegħda li kienet saret minn missirijietna.

Il-knisja li trid titla’ għaliha minn tliet tarġiet, għandha faċċata sempliċi, bieb fin-nofs bejn żewġ twieqi żgħar fuq kull naħa. Hemm ukoll tieqa tonda u fontispizju b’qanpiena li jispiċċa b’salib tal-ġebel żgħir. Minn ġewwa l-knisja għandha pjanta rettangolari u fiha nsibu altar wieħed tal-ġebel u fuqu hemm it-titular. Dan huwa xogħol Envin Cremona li sar fl-1957 u juri t-tħabbira tal-Anġlu lill-Madonna u għandu xebh mal-kwadru tal-istess pittur li kien għamel għall-knisja tad-Dumnikani tal-Birgu. Qablu kien hemm kwadru ieħor impitter minn Ġannikol Buhagiar li qiegħed fil-parroċċa ta’ Burmarrad. Fuq kull naħa tat-titular insibu żewġ kwadri li juru lil San Pawl ma’ San Publiju u lill-Madonna ma’ San Luqa.

Din il-knisja kienet diġà teżisti qabel l-1604. Ċertu Ġużeppi Buhagiar, li kien devot ħafna tal-Madonna, kien ħalla għalqa liż-żewġ neputijiet biex jinxtegħel il-lampier fil-festa li kienet issir f’din il-knisja. Dan juri li dan Buhagiar jista’ jkun il-fundatur tal-Knisja tal-Lunzjata tas-Salini għaliex wara mewtu fl-1621, kien ħalla flus, deheb u fidda biex il-festa tal-Lunzjata tibqa’ ssir. Għalkemm tissemma l-ewwel darba meta l-Isqof Cagliares kien għamel viżta pastorali fl-1618 f’din il-knisja, ma jissemmiex dan il-fundatur. Fl-1761, l-Isqof Cannaves fil-viżta pastorali kien qal li dan Buhagiar kien ħallas għall-pittura tal-ewwel kwadru li kien sar fl-1633.

Fl-1661, il-kappillan tan-Naxxar jgħidilna li din il-knisja kienet devota ħafna u miżmuma tajjeb ħafna. Il-kleru tal-parroċċa tan-Naxxar, fil-festa tal-Lunzjata, kien jinżel b’purċissjoni sas-Salini biex jissodisfa l-obbligi li kienu jieħdu ħsiebhom erbat irġiel min-Naxxar: Ġużeppi, Franġisku, Duminku u Pietru Buhagiar.

Matul iż-żmien, din il-knisja kellha diversi retturi. Dan huwa xhieda ta’ kemm din il-knisja kellha min jieħu ħsiebha tajjeb ħafna. Barra minn dawn, kien hemm ukoll benefatturi li abbonaw dħul mill-għelieqi biex ikollha dħul biżżejjed għaż-żamma tajba, kif ukoll biex jitħallas is-servizz reliġjuż li kien isir. Għalhekk kien hemm dħul ukoll biżżejjed biex issir il-manutenzjoni kif meħtieġ.
Il-quddies dejjem ġie ċċelebrat b’mod regolari fil-Ħdud u l-festi għaliex il-knisja kienu jieħdu ħsiebha l-komunità tal-Ġiżwiti tan-Naxxar. Illum tela’ ħafna bini qrib din il-knisja u hekk il-komunità tal-madwar tinġabar hemmhekk għall-quddies tal-Ħadd.

L-awtur irodd ħajr lis-Sur Paul Catania li kien irriċerka t-tagħrif mill-arkivju tal-parroċċa tan-Naxxar u hekk aħna nistgħu napprezzaw l-istorja ta’ dawn il-knejjes antiki, wirt missirijietna.

Share This On