L-esperjenza tal-Familja Grima

Wara li ta l-esperjenza tal-familja tiegħu waqt il-programm Ħadd Kumpanija ma’ Dr Andrew Baldacchino, qed inwasslulkom il-ħsibijiet ta’ Kenneth Grima dwar l-inċident li sofra ibnu Matteo u l-mixja li għamlu f’dawn il-ġimgħat sal-fejqan li jista’ jissejjaħ miraklu tassew.


MIRAKLU ĦAJ

Kien il-Ħamis 23 t’April. Konna lkoll id-dar. Konna għadna kif kilna. Kien għad fadal biss Matteo biex jiekol. Kien għadu kemm ħareġ jiġġoggja fl-inħawi tal-Imtarfa wara ġurnata sħiħa studju. Imma, għat-20:00, flok ma kien Matteo li ċempel il-qanpiena tad-dar, kienu żewġ pulizija. Qalbna għamlet tikk. Urewna l-mobile ta’ Matteo u staqsewna jekk konniex qed nagħrfuh. “X’ġara?” staqsejna b’toqla fi griżmejna. Is-Surġenta għarrfitna li kien għadu kemm seħħ inċident gravi. Matteo kien fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar minn karozza fittriq li mir-Rabat tagħti għal Ħad-Dingli u li ħafna minna li noqogħdu f’dawn l-inħawi ngħaddu minnha biex jippassiġġaw ta’ kuljum. Dak il-ħin, waqgħu fuqna dlamijiet tal-biża’. L-ikbar twerwira għal kull ġenitur: li ibnu jew bintu ma jirritornawx id-dar.

Erħejnielha lejn l-emerġenza ta’ Mater Dei b’qalbna mifnija bid-diqa. U hemmhekk, rajna lil Matteo, mitfugħ fuq stretcher mimli magni u pajpijiet, b’rasu daqsiex miżgħuda daqqiet. Lebda taħrika … l-ebda muviment … xejn. Talbuna nibqgħu sejrin lejn l-ITU. Malli wasalna hemm, tlabna li nkellmu saċerdot u hekk hu li ġie Patri Elmar, wieħed mill-patrijiet Franġiskani li jservu fl-isptar. “Għadni kemm għamiltlu l-Griżma,” għarrafna. Ma flaħniex nisimgħuh dan id-diskors. Għalina d-dinja kienet intemmet. Kull skop li kellna kien għeb f’ħakka t’għajn. Iċ-ċpar kien ħakmilna ħajjitna u n-nifs kien inqatgħalna ħesrem.

Dak il-ħin bdejna nterrqu triq għat-telgħa, mimlija biża’ u li tqanqal għeja fiżika, mentali u spiritwali. Konna qegħdin negħrqu f’baħar imqalleb b’ħalel mogħla s-sema u ma kellna xejn ma’ xiex niggranfaw.

Ma stajna nduru lejn ħadd aktar ħlief lejn Alla u l-Madonna tal-Lunzjata, li tagħha Matteo huwa tant devot. Imma barra lilhom, ġenninha wkoll lil kulmin stajna naraw fih għajn ta’ talba … qraba, ħbieb, ħbieb tal-ħbieb, qassisin, patrijiet, sorijiet, membri tal-MUSEUM, qaddisin … Kulmin ġie f’moħħna weħilna miegħu bħalma qarnita taqbad mal-blat, bħalma fergħa tintiseġ maz-zokk. Saħansitra tlabna lill-Arċisqof sabiex ibierku, filwaqt li ħeġġiġnieh jitlob lill-Papa Franġisku jitlob għalih. Kliemna ma waqax fuq widnejn torox! Mhux biss lArċisqof ġie l-ITU jbierek lil Matteo wara li ressaqtlu din ix-xewqa mimlija ħeġġa spiritwali, imma l-istess Papa Franġisku, permezz tal-Arċisqof Scicluna, bagħatilna ittra personali li fiha stqarr li se jitlob għal Matteo lil San Ġużepp rieqed li għandu f’kamartu. It-talba tagħna qatt ma kienet “ikun li trid int” imma “hekk irrid”. It-talb mhuwiex paroli fieragħ li ma juri ebda rispett. It-talb huwa taqtigħa ma’ Alla għax it-talb huwa l-qawwa.

Matteo baqa’ l-ITU għal 12-il jum sħaħ. Bqajna dejjem hemm, lejl u nhar, nistennew. Ma stajniex nitilquh waħdu. Ma kellniex is-saħħa li nitbiegħdu minnu. Ridna nagħtuh l-enerġija kollha tagħna, fiżika u spiritwali. Konna hemm ħdejh, avolja mbegħdin minnu fiżikament. Kull filgħodu konna nisimgħu l-quddiesa tal-Papa u ningħaqdu miegħu waqt il-barka. Bosta kienu dawk li talbu magħna u għalina. Il-kappella tal-isptar kienet saret ir-refuġju tagħna, ilpost fejn nibku, nitolbu, nisktu, nistaqsu. Imma l-mirakli kienu ġa bdew jitwettqu sa minn dak il-ħin tal-inċident, waqt li jiena u binti Katrina, aħna u mexjin waqt passiġġata, konna qed illisnu posta rużarju bla ma nafu x’kien qed iseħħ ftit toroq ‘il bogħod minna.

Dakinhar filgħaxija tal-inċident, malli dħalna fil-waiting room tal-ITU, intbaħt li kien hemm rokna bi statwa tad-Duluri u b’kull tip ta’ santa ta’ kull qaddis. Imma waħda tal-Madonna talLunzjata ma kienx hemm. X’niket! Imma dlonk, fuq mejda baxxa sewda maqtugħa għaliha waħidha, ’il bogħod mis-santi u l-istatwi kollha li kien hemm, kien hemm il-qoxra tal-fuljett tal-festa tal-Lunzjata tal-2018 b’dettall tal-Lunzjata mbuzzata fuq il-lampier. Lanqas ridt nemmen lil għajnejja! Infqajt nibki. Ħfint din il-paġna u tlabthom sabiex iqegħduha biswit issodda ta’ Matteo u baqgħet dejjem hemm mhux biss il-jiem li għamel fl-ITU imma anke matul il-ġranet li nżamm fis-sala.

L-għada filgħodu, mas-sebħ, erħejtilha bilġri lejn il-kappella tal-isptar. Hemmhekk ktibt ittra lill-Mulej u ħallejthielu fuq l-artal. Fiha qsamt dak li ridt ngħidlu: “Mulej, qed niktiblek din littra. Hi sejħa ta’ missier muġugħ li għandu lil ibnu, ġuvni mill-isbaħ, l-ITU wara li qala’ daqqa ta’ karozza. Jien naf li int m’intix Alla tas-silenzju imma Alla tal-azzjoni. Dan qed turihuli imma rridek turih aktar. Ħu ħsieb lil ibni Matteo. Oħorġu minn dis-sitwazzjoni QAWWI u SĦIĦ. Bierku. Fejqu. Ammen.” Lil Alla qatt ma stqarrejtlu: “ikun li trid int”. Le. Lil Alla dejjem għidtlu: “hekk irrid”. U Alla weġibni. Wara li ħallejt l-ittra fuq l-artal, tlabtu jweġibni. Dak il-ħin ftaħt il-Bibbja li hemm fil-kappella u tela’ Salm 39 u sebgħi waqa’ fuq vers 13: “Isma’, Mulej, it-talba tiegħi, agħti widen għall-għajta tiegħi, tibqax trux għad- dmugħ tiegħi.” Mhux miraklu dan? Infqajt nibki. Il-Mulej ma setax juża kliem aħjar biex ikellem lil missier muġugħ li dak il-ħin, l-uniċi affarijiet li seta’ jagħmel kien li jitlob, jgħajjat u jibki.

Il-Ħadd 3 ta’ Mejju, wara għaxart ijiem f’koma, Matteo ċċaqlaq u dar lejn ommu malli sema’ leħinha jsejjaħlu. Ma stajniex nemmnu dak li konna qegħdin ngħixu flimkien. Dakinhar stess filgħaxija, kien hemm nurse li semmgħetlu l-Innu Marċ tal-Lunzjata ta’ Ħal Tarxien fuq ilmobile. F’daqqa waħda beda jħarrek idu u riġlu tal-lemin skont ir-ritmu tal-marċ. Dorna lkoll miegħu, nibku u nidħqu bil-ferħ. L-għada, beda jitkellem wara li neħħewlu l-ventilatur u beda jieħu n-nifs waħdu. Seta’ jismagħna, u jiċċaqlaq. Fil-5 ta’ Mejju, bla mistenni, inħareġ mill-ITU u fis-6 ta’ Mejju beda jiekol xi ħaġa, sakemm fid-9 ta’ Mejju, nhar il-festa ta’ San Ġorġ Preca, in-nefħa enormi li kellu f’moħħu bdiet nieżla f’daqqa.

Imma konna għadna maħkumin mill-biża’ minkejja li ferħanin. Id-daqqa kien ħadha kollha f’moħħu u allura xorta kien għad hemm ħafna mistoqsijiet iberrnu f’moħħna: x’se jiġri millfunzjonijiet ċerebrali? Se jkun kapaċi jimxi, jitkellem, jara, jirraġuna? Imma t-talba tagħna dejjem kienet li Matteo joħroġ mill-isptar QAWWI u SĦIĦ għax il-Mulej meta fejjaq, għamel dan b’mod sħiħ. Alla tagħna mhuwiex Alla tal-perċentwali imma Alla tat-totalità. U lill-Mulej dejjem hekk fakkartu.

U Alla kompla jisma’ t-talba tagħna lkoll u kellimna bil-goff. Uriena li Alla tagħna mhuwiex Alla tas-Skiet imma Alla tal-Gaffa. Matteo mhux biss seta’ jisma’, jitkellem, u jara, imma wkoll seta’ jimxi, jirraġuna, jinkwieta, jirrabja, jitbissem … Matteo tagħna kien MIRAKLU ĦAJ. Il-Madonna tal-Lunzjata flimkien mal-qaddisin protetturi tiegħu (San Ġużepp rieqed, San Ġorġ Preca, San Papa Ġwanni Pawlu II, Sant’Antnin ta’ Padova, Santa Tereża, Santa Luċija, Santa Rita, San Padre Pio), daħlu għalina quddiem il-Mulej u dan semagħhom bil-goff. Filfatt, f’anqas minn erba’ ġimgħat wara l-inċident gravi, eżattament fid-19 ta’ Mejju (id-19 ifakkarna f’San Ġużepp!!), Matteo ħareġ mill-isptar fuq saqajh. Niftakar li qabel tlaqna millisptar, morna l-ITU sabiex nirringrazzjaw lit-tobba u l-infermiera kollha tal-ħidma tagħhom u wieħed mill-konsulenti qallu hekk: “Matteo, din mhix normali li toħroġ mill-isptar f’anqas minn erba’ ġimgħat wara daqqa bħal dik.” Bla ma jaf, forsi, kienet stqarrija li konna qegħdin ngħixu miraklu.

Malli kien qed joqrob iż-żmien li nitilqu mill-isptar u nibdew inħabbtu wiċċna ma’ realtà ġdida, ma stajniex ma nerġgħux niktbu ittra lill-Papa Franġisku li matulha naqsmu miegħu din il-ġrajja kollha li għexna bħala familja, ġrajja li matulha rajna l-mewt imma rajna wkoll ilħajja u s-siewi tagħha. Bid-dmugħa f’għajnejna, asamna miegħu din l-esperjenza tagħna ta’ fidi, li hi waħda li m’aħna se ninsewha qatt għax tinsab imnaqqxa f’qalbna. U l-Papa
Franġisku reġa’ għoġbu mhux biss iweġibna imma jistqarr magħna li din l-esperjenza ta’ fidi li għexna bħala familja u li qsamna miegħu b’kitba mqanqla, qajmitlu ġismu xewk xewk għax fiha lemaħ il-qawwa tal-fidi u tat-talb.

Il-familja tagħna nbidlet. Inħoloq tsunami ta’ talb, tama, u fidi. Ma nistgħu qatt nieqfu rroddu ħajr lil Alla u lill-Madonna tal-Lunzjata għal din il-grazzja kbira li qlajna bħala familja. It-talba tagħna issa tibqa’ li l-Mulej jagħmilna denji sabiex inkunu strumenti f’idejh u nxandru ma’ kulħadd il-ħwejjeġ kbar li għoġbu jagħmel mal-familja tagħna. U b’hekk inkunu xhieda tal-glorja kbira tiegħu.

Il-familja Grima

Matteo Grima

Ittra mill-Papa Franġisku bid-data tal-25 ta’ April 2020 (BIL-MALTI: Jekk jogħġbok għid lis-Sinjuri Kenneth u Ritienne Grima li jiena nitlob għal binhom Matteo. Nitlob b’mod speċjali lil San Ġużepp. …. Franġisku)

Ittra mill-Papa Franġisku bid-data tat-30 ta’ Mejju 2020 (BIL-MALTI: Sinjur Kenneth Grima, Grazzi ħafna tal-ittra tiegħek li twasslitli permezz tal-Arċisqof Scicluna. Qrajtha u qajmitli ġismi xewk xewk. Grazzi tax-xhieda tagħkom ta’ fidi u ta’ talb. Se nibqa’ nitlob għal Matteo u għall-familja kollha tagħkom. Nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex titolbu għalija. Il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom. Fraternament. Franġisku)

Share This On