Niskopru l-Kalendarju ta’ Radju Marija għall-2021

Bħal kull sena Radju Marija ppubblika l-kalendarju tiegħu u għall-2021 kull xahar huwa mżejjen b’ritratt sabiħ ta’ 12-il kappella mill-ħafna li għandna mxerrdin fl-ibliet u fl-irħula tagħna. Din l-informazzjoni tassew interessanti nġabret mis-Sur Louis Fenech.

Jannar – Il-Kappella tal-Madonna tal-Providenza, is-Siġġiewi

Il-Kappella tal-Madonna tal-Providenza hija waħda mill-knejjes żgħar li jinsabu fir-raħal tas-Siġġiewi li hu antik ħafna. Fih insibu għadd ta’ rħajjel, li maż-żmien inbelgħu mir-raħal fejn kien hemm il-parroċċa, u li setgħu jinqdew aħjar kemm mill-kleru kif ukoll mill-ħtiġijiet ta’ kuljum. Fosthom insibu, Ħal Kbir, Ħax Xluq, Ħal Qdieri, Ħal Niklusi u oħrajn. Illum l-isem biss fadlilhom, għalkemm fihom insibu numru ta’ knejjes żgħar.

Meta Mons Pietro Dusina żar lis-Siġġiewi, jgħidilna li kien hemm 46 knisja, 21 fir-raħal, 6 f’Ħax Xluq, 4 f’Ħal Kbir, waħda f’Ħal Qdieri u 14 imxerrdin fil-kampanja.

Il-Kappella tal-Madonna tal-Providenza tinsab fl-irħajjel ta’ Ħal Kbir li llum fadal biss l-isem tiegħu għax maż-żmien sar jagħmel parti mir-raħal tas-Siġġiewi. Fil-bidu din il-knisja tal-Madonna tal-Providenza li hija antika ħafna, kienet dedikata lill-Ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu. Ma kenitx miżmuma tajjeb, għalhekk l-Isqof Alpheran de Bussan fl-1747 ipprofanaha. Iżda l-kappillan ta’ dak iż-żmien, Dun Mikielanġ Mamo ma ħax gost, tant li talab lill-istess isqof il-permess biex jirranġa dak li kien hemm bżonn u jerġa’ jġibha fi stat tajjeb kif kienet oriġinarjament. Meta l-Isqof ra l-ħerqa u l-entużjażmu tal-kappillan laqa’ t-talba tiegħu u kien hu stess li kkonsagraha nhar it-28 t’April 1747.

Wara tliet snin, il-knisja ġarrbet xi ħsarat. Il-kappillan u Dun Nikol Borg ħabirku kemm felħu bien tinbena mill-ġdid. Wara li kisbu l-permess mill-Isqof Alpheran, sar it-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-knisja li naraw illum, nhar l-4 ta’ Novembru 1750. It-tberik tal-knisja sar fis-16 ta’ Settembru 1753.

L-ewwel kwadru titular, li ħallas għalih il-Kappillan Mamo, kien juri l-Madonna bil-Bambin imdawrin bl-anġli u kien fih ukoll lil San Mikiel. Fil-parti t’isfel kienu jidhru l-erwieħ tal-purgatorju u kien xogħol Enrico Arnaux. Fl-1804 dan tqiegħed fis-sagristija u floku sar kwadru ieħor tal-artist Velasco. Dan juri l-Madonna fuq is-sħab b’idejha miftuħa qed tbierek ir-raba’. Iżda dan kien insteraq fl-1984 flimkien ma’ xi kwadri ex-voto.

Fl-1815 il-knisja sofriet xi ħsarat meta ntlaqtet minn sajjetta fil-faċċata. B’rieħet dan, il-portiku li naraw illum tela’ biex issewwiet ukoll il-ħsara li ġarrbet il-knisja. Dan ħallas għalih in-neputi tal-kappillan Mamo, Dun Pietru Pawl Saliba. Il-knisja għandha koppla u kampnar. Fih hemm qanpiena waħda li ġġib l-arma tal-Gran Mastru Pinto li kien devot ħafna ta’ din il-Madonna.

Fil-knisja nsibu altar wieħed tal-irħam u fuqu nsibu t-titular. Hekk ukoll għadd ta’ pitturi artistiċi li maż-żmien saritilhom xi ħsara minħabba l-umdità. M’għandniex ħjiel min pinġihom. Dawn juru lil San Pawl Eremita ma’ San Anton Abbati, ieħor juri lil San Gejtanu u San Filippu Neri u l-ieħor juri t-Tlugħ is-Sema tal-Madonna. Jidhru li huma tal-iskola ta’ Francesco Zahra. Ir-restawr tagħhom sar bejn is-snin 2005 u 2006. Il-grupp Patrimonju Kulturali tas-Siġġiewi, li kien waqqaf il-Kappillan Dun Albert Buhagiar, ħa ħsieb li r-ReCoop, il-kooperattiva tar-Restawr u l-Konservazzjoni, tagħmel dak kollu meħtieġ biex il-pittura jsirilha x-xogħol neċessarju.

Fuq wieħed mill-bibien li jagħti għas-sagristija nsibu pitturi oħra, kopja ta’ dik li nsibu fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, li juri lill-qaddisin Kosma u Damjan, iż-żewġt aħwa tewmin li kienu tobba.

Insibu kwadri li juru l-Konverżjoni ta’ San Pawl u ieħor tal-Ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu u ta’ San Filep ikeċċi x-xjaten li kienu ħakmu tfajla. Insibu wkoll statwa ta’ Santu Rokku.

Tajjeb insemmu wkoll li fil-ġenb tal-artal hemm balla ta’ kanun Tork, tifkira tal-Assedju l-Kbir. Mis-Siġġiewi kien hemm jiddefendu s-swar madwar 550 ruħ. Għalhekk jista’ jkun inġiebet bħala tifkira li dawn kienu ħelsuha mill-mewt.

Il-Madonna tal-Providenza għandha devozzjoni li ġejja mill-antik ħafna. Insibu ftit kwadri ex-voto li fadal minn dawk li kienu nsterqu snin ilu.

Fuq kull ġenb tal-knisja, tliet filati ‘l fuq mill-art insibu tieqa, biex meta l-knisja tkun magħluqa, wieħed jista’ jpoġġi xi xemgħa kif ukoll jgħid xi talb.

Il-knisja tiċċelebra l-festa fl-ewwel Ħadd ta’ Settembru. Il-knisja tkun imżejna bid-damask u ħafna tiżjin ieħor tal-okkażjoni. It-triq u l-pjazzetta jkunu mżejna bid-dawl u festuni bil-bnadar. Jitilgħu għaliha ħafna nies mhux mis-Siġġiewi biss, iżda minn Malta kollha.

Kien ikun hemm quddiesa matul il-ġimgħa fl-4:00pm sal-jum tal-festa. Qabel kien isir quddies kull nhar ta’ Erbgħa fid-9:30am kif ukoll is-Sibt filgħaxija kif ukoll fil-Ħdud u l-Festi.

Il-knisja hija miżmuma tajjeb ħafna għaliex hemm min jieħu ħsiebha. U wieħed irid jidħol fiha biex japprezza u jammira s-sbuħija tagħha.

Share This On