Mejju – Il-Knisja tal-Madonna tal-Virtù – ir-Rabat

Imperċa fuq għolja fil-Lvant tar-Rabat, din il-knisja, li minn dejjem kienet dedikata lill-Madonna tal-Virtù, tgawdi veduta mill-isbaħ tal-paesaġġ Malti. Il-knisja tagħmel parti mill-mensa vescovile, iżda tagħmel parti mill-parroċċa tar-Rabat. Sfortunatament hija mibnija fuq art li meta titgħeżżeż, il-knisja dejjem iss-sofri xi ħsarat.

Il-knisja inbniet fuq kripta fl-1438, fuq art imsejħa Ta’ Formaġġ, propjeta ta’ Antonio di Bigliera, li flimkien ma’ Bortolomeo de Bordini għamlu tajjeb għal dak kollu meħtieġ, skont l-atti tat-28 ta’ Mejju, tan-Nutar Sillato. Oriġinarjament din il-knisja kellha forma rettangulari, aktarx b’saqaf ċatt, kif kienu il-knejjes mibnija dawk iż-żminijiet. Kellha kampnar sempliċi b’qanpiena tal-bronż. Kellha altar wieħed tal-ġebel. Fuqu kien hemm kwadru, juri lil-Madonna bil-Bambin.

Il-knisja sofriet ħsarat konsidervoli fit-terremot tal-1693, u għalhekk kellha tinbena mill-ġdid fejn hi llum, ftit pass ‘l bogħod minn fejn kienet. Kien il-prokuratur il-Kanonku Don Antonio Castelletti, li bil-kontribut finanzjarju ta’ diversi donazzjonijiet ġenerużi iddeċieda li tinbena mill-ġdid. Sfortuntament il-flus li nġabru msterqu mill-ħallelin. Iżda il-flus reġgħu bdew deħlin, inkluż deheb u fidda. Donazzjonijiet ma naqsux ukoll minn xi nobbli tal-Imdina, kif ukoll il-Gran Mastru Villhena u l-Università tal-Imdina (il-Gvern), u uffiċjali tal-knisja.

Il-bini beda f’Mejju tal-1717 meta xi ħaddiema ġew impjegata, u beda l-qtugħ tal-ġebel minn barriera viċin. Il-knisja nbniet fuq id-direzzjoni ta’ capomastro Petruzzo Debono, fuq pjanta, li tixbaħ ħafna il-Knisja ta’ Sarria  tal-Floriana, ta’ Mattia Preti. Ix-xoghol waqaf għal diversi raġunijiet fosthom għaliex kellhom jistennew il-ġarr tal-ġebel. Ma ninsewx li dawk iż-żminijiet t-trasport kien, il-kalessi u ż-żwiemel bil-karettuni.

Il-binja tinsab fuq fdalijiet ta’ oqbra puniċi, Feniċi u Rumani.  Aktar fil-fond jinsab ipoġeo, paleo-kristjan, fejn insibu wkoll kripta medjevali f’forma ta’ salib latin u kellha tliet abside u altar wieħed. Biex taraha illum trid tinżel għaliha b’taraġ, li fi żmien kienet tintuża bħala knisja troglodita – knisja mħaffra fil-blat kif kienu qabel ma nbew il-knejjes kif nafuhom illum.

Dusina, fl-1575 jgħidilna li kienet devota ħafna u kellha aktar  minn altar wieħed. Maż-żmien saru diversi viżti pastorali, fosthom l-isqof Gori Mancini li jikkonferma d-devozzjoni li kellha din il-knisja, speċjalment min-nies tar-Rabat u l-Imdina.

Il-knisja kienet mgħammra b’dak kollu meħtieġ għas-servizzi liturġiċi. Kien hemm żmien meta kienet tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Kristu Redentur kull sena, kif ukoll il-festa tal-Assunzjoni, bl-għosrien u l-quddies kantat. Ma kienx jonqos ukoll il-quddies fil-ħdud u festi.

Fl-1658, meta r-Rabat kien għadu jagħmel parti mill-Imdina, b’digriet tal-Papa Alessandru VII il-knisja għaddiet taħt idejn il-patrijiet Agostinjani. Il-patrijiet damu jieħdu ħsiebha sa sentejn, għaliex meta saru l-konfini tar-Rabat u l-Imdina, fi żmien il-Gran Mastru De Redin,  l-Agostinjani tal-Knisja ta’ San Mark kellhom jitilquha.

Matul is-seklu XVIII saru diversi teżiżiet li l-koppla u l-knisja sofrew difersi sarat. Il-lanterna eventwalment kellhu joħdilha postha l-istatwa tar-Redentur. Kellu jsir restawr estensiv biex il-knisja reġgħet ġiet għan-normal.

Sa ftit snin ilu, għax illum qed tieħu ħsiebha familja oħra, kienet f’idejn il-koppja Mangion li għamlu tajjeb minn flushom biex irrestawrawha. Kienu għamlu xogħol estensiv fil-masġar, u aktar u aktar dak kollu meħtieġ fil-knisja. Kienu jsiru diversi laqgħat minn prayer groups, u attivitajiet soċjo-reliġjużi.

Illum din il-knisja, għalkemm mhux tiffunzjona bħal qabel, iżda xorta waħda hemm min jieħu ħsiebha.

Share This On