Mulej Ġesù Kristu, Bin Alla, ħenn għalija, il-midneb. Din kienet it-tema għas-Seminar Annwali għall-impjegati u l-voluntiera ta’ Radju Marija Malta li nġabru f’Mount St Joseph nhar is-Sibt 31 ta’ Jannar 2026. Is-Seminar beda b’quddiesa ċċelebrata minn Fr Antoine Borg, Direttur ta’ Radju Marija Malta u animata mill-familja Curmi Cassar.
Segwiet imbagħad taħdita interessanti ferm mir-Rev. Papàs Martin Zammit tal-Knisja Kattolika tar-Rit Grieg (Biżantin). Huwa tkellem dwar it-Talba: Mulej Ġesù Kristu, Bin Alla, ħenn għalija, il-midneb. Din hija talba ħafna għal qalb il-Kattoliċi tar-Rit Grieg għax hija talba tal-qalb. L-erba’ elementi ta’ din it-talba huma l-ħniena, id-dixxiplina, is-skiet u l-venerazzjoni. Ir-Rev Zammit fisser is-sbuħija ta’ din it-talba u l-mod ta’ kif għandha tintalab filwaqt li kkwota minn bosta qaddisin tal-Knejjes tal-Lvant fosthom San Iżakk tas-Sirja, San Ġwann ta’ Gaża u San Porfirju.
Is-seminar intemm b’ikla li serviet ukoll ta’ mument sabiħ ta’ fraternità.

































































