Bħal kull sena Radju Marija ppubblika l-kalendarju tiegħu u għall-2021 kull xahar huwa mżejjen b’ritratt sabiħ ta’ 12-il kappella mill-ħafna li għandna fl-ibliet u fl-irħula tagħna. Din l-informazzjoni tassew interessanti nġabret mis-Sur Louis Fenech.
Din il-knisja, żgħira iżda biżżejjed għan-nies li jgħixu f’dawn l-inħawi, hija antika ħafna, u tissemma f’diversi kuntratti tas-seklu XV u XVI. Il-knisja nbniet f’dan l-irħajjel li jinsab fil-konfini tan-Naxxar, u hu magħruf bħala l-Magħtab.
Il-knisja tissemma fil-viżta li kien għamel Dusina fl-1575. Jgħidilna li hija dedikata lill-Assunta; għalkemm kienet knisja devota, kienet nieqsa minn kollox; la kellha dħul u lanqas qassis min jieħu ħsiebha. Achille Ferris ukoll jikkonferma d-devozzjoni li kellha din il-knisja antika.
Mill-viżta Pastorali tal-Isqof Belaguer nafu li l-knisja reġgħet inbniet għall- ħabta tal-1649. Hemm leġġenda li tgħid li l-knisja fejn hi illum, inbniet ftit passi ’l bogħod mill-post originali, eżatt fejn waqaf żiemel, li kien ħarab b’tifel riekeb fuq il-karettun. Missieru kien għamel wegħda li jekk isib lit-tifel qawwi u sħiħ, fejn ikun waqaf iż-żiemel jibni l-knisja. Dan joħroġ minn pittura li tinsab fis-sagristija fejn tiddeskrivi dan l-inċident.
Il-knisja nbniet mill-għotjiet tad-devoti li kienu jiffrekwentawha. Kellha altar wieħed li fuqu kien hemm pittura, attribwita lil Filippu Dingli. Din il-pittura kienet turi l-Assunzjoni tal-Madonna. Is-Sibt kienet issir quddiesa letta, jitkanta l-għasar u jinxtegħel il-lampier fil-ġranet tal-festa. Barra dan kien isir quddies fit-2 ta’ Frar, fil-festa tal-Purifikazzjoni; fil-festa tal-Lunzjata; fil-Viżitazzjoni; fl-Assunzjoni u fil-Kunċizzjoni. Dan kollu joħroġ mill-viżta Pastorali ta’ Balaguer.
Il-knisja, kif jidher, minn dejjem kienet f’kundizzjoni tajba, għaliex dejjem kellha prokuraturi li ħadu ħsiebha. Dan issarraf f’donazzjonijiet ta’ pitturi, fosthom waħda ta’ Santa Teresa mal-Madonna u l-ieħor ta’ San Pawl li kienu fuq kull naħa tal-artal. Kienu jieħdu wkoll ħsieb it-tibjid hekk kif tasal il-festa. Kien hemm ukoll minn ħalla xi għalqa biex mid-dħul tagħha kien isir l-għasar u l-festa kif meħtieġ.
Il-knisja għandha faċċata sempliċi, lixxa b’bieb fin-nofs. Ftit ’il fuq hemm tieqa tonda bi xbieha ta’ ħamiema b’werqa ta’ żebbuġa f’ħalqha. Fuq il-fontispizju nsibu kampnar b’qanpiena waħda, u fuq kull naħa hemm żewġ piramidi żgħar. Quddiem il-knisja insibu zuntier żgħir li trid titla’ għalih minn tliet tarġiet, imdawwar b’ċint ta’ tliet filati. Fuq naħa minnhom hemm kamra li sservi ta’ sagristija. F’din is-sagristija, barra li sservi għas-saċerdot biex jipprepara l-ilbies qabel joħroġ iqaddes, insibu diversi kwadri ex-voto. Dawn huma xhieda ta’ kemm din il-knisja, għalkemm imbiegħda, kienet devota u ffrekwentata min-nies mhux biss tal-inħawi.
Fuq ġewwa l-knisja hija rettangulari, b’saqaf troll. Għandha altar tal-ġebel li fuqu l-kwadru titulari juri lill-Madonna mtella’ s-Sema, mdawra b’anġli, u bil-Missier Etern iħares minn fuqha. Insibu wkoll kwadru pittura ta’ Kristu Rxoxt, donazzjoni ta’ Mario Fava kif turi l-kitba taħtu; “Dono di Gio Maria Fava nel 1733”. Dan kien wieħed mill-prokuraturi tal-knisja. Sett kwadri tal-Via Sagra ma jonqsux.
Il-knisja llum tinsab f’kundizzjoni tajba ħafna. Fil-Ħdud u l-Festi għadu jsir il-quddies. Nawguraw li, kif dejjem kien, ikun hemm prokuratur li jieħu ħsiebha biex ma tintilifx, bħalma ġralhom ħafna bħala.