Irtir Għas-Saċerdoti Diretturi ta’ Radju Marija Fil-Portugall

Mit-Tlieta 17 sal-Ħamis 19 ta’ Ottubru aktar minn nofs is-Saċerdoti Diretturi ta’ Radju Marija minn madwar id-dinja, iltaqgħu ġewwa Fatima għal Irtir organizzat għalihom mill-Familja Dinjija ta’ Radju Marija. Għal dan l-irtir attenda wkoll Fr Antoine Borg, is-Saċerdot Direttur ta’ Radju Marija Malta.

Ħafna mill-mumenti f’dan l-irtir kienu kkaratterizzati minn talb komunitarju, adorazzjoni Ewkaristika, Quddies, Rużarju u t-talb tal-Uffiċċju Divin. Is-saċerdoti preżenti kellhom ukoll għadd ta’ laqgħat minn mistiedna distinti dwar il-messaġġ tal-Madonna ġewwa Fatima li huwa meqjus bħala stedina u skola ta’ salvazzjoni. Il-messaġġ ta’ Fatima jagħmel enfasi fuq il-konverżjoni permanenti, il-ħtieġa tat-talb kuljum speċjalment bir-Rużarju, l-offerta tat-tbatijiet għall-konverżjoni skont il-Qalb Immakulata ta’ Marija u ħajja fil-grazzja u l-preżenza t’Alla.

Minbarra dawn il-konferenzi, is-saċerdoti żaru l-istazzjon ta’ Radio Maria Portugal li jinsab f’Fatima u l-kunvent tas-Sorijiet Karmelitani Kontemplattivi f’Coimbra fejn għexet u mietet il-Venerabbli Swor Luċija li kienet waħda mit-tfal li raw lill-Madonna f’Fatima bejn l-1925 u l-1929. Is-saċerdoti kellhom ix-xorti jiċċelebraw l-Ewkaristija fil-Kappella tal-Kunvent.

Share This On