Ilna għal dawn l-aħħar ħames xhur nippjanaw bla heda l-iskeda ta’ programmi li ser jixxandru fuq Radju Marija matul il-ħarifa 2020. Filwaqt li żammejna programmi ferm popolari magħkom is-semmiegħa bħal Magazine, Fl-Iskola ta’ San Piju, Inbid Ġdid, Il-Qrar Ifejjaq l-Imrar u Ħadd Kumpanija, ħejjejna wkoll sensiela ta’ programmi ġodda bi produtturi ġodda li ninsab ċert li ser jinżlu tajjeb ma’ kulħadd bħal Il-Beatu Nazju Falzon, Il-Ħadd ma’ Lea Hogg, Mill-Kompendju, Gaudete, Minn Jieħdu l-Għatx u L-Għajta tal-Mifdijin u ħafna aktar. Fl-iskeda ħejjejna programm speċjali għat-tfal bl-isem Il-Bibbja għat-Tfal.
Fr Antoine Borg, id-Direttur ta’ Radju Marija, minbarra li ser ikun qiegħed jakkumpanjakom kull nhar ta’ Tlieta waqt Kuntatt, ser ikun qiegħed ukoll jippreżenta programmi ta’ tagħlim ferm interessanti bħal Għalik Kollox (Id-djarju ta’ Swor Nazzarena), Il-Qalb Tiegħi Tirbaħ, Il-Miraklu ta’ Radju Marija u L-Aħħar Qatra’ (devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù). B’kollox ser inkunu qegħdin inxandru 49 programm matul din l-iskeda.
Minħabba l-imxija tal-COVID19 iddeċidejna li ma nxandrux aktar programmi diretti, ħlief il-programm ta’ kuljum Kuntatt. Il-kumplament tal-programmi li ser jixxandru ġew kollha rrekordjati matul l-istaġun tas-sajf biex b’hekk niggarantixxu servizz ta’ kwalità matul dan iż-żmien diffiċli.
Nawgurawlkom biex tibqgħu ssegwu l-programmi ta’ Radju Marija fl-isekda tal-ħarifa, u wkoll nistednukom biex tibagħtu s-suġġerimenti jew kummenti tagħkom permezz ta’ Facebook. Komplu segwu wkoll il-sit ta’ Radju Marija fuq: www.radjumarija.org. Tistgħu wkoll tagħmlu kuntatt magħna fuq l-indirizz elettroniku: [email protected]
Agħfas hawn biex taċċessa l-iskeda ta’ programmi ta’ Radju Marija għal-Ħarifa 2020