Il-ħarsa li kellhom l-oħrajn fuq Elena kien il-kejl għall-ferħ tagħha. Jekk l-oħrajn kienu jġiegħluha tħoss ruħha aċċettata mela kienet tkun ġurnata tajba. Imbagħad ta’ 21 sena l-infern! Feriti li jibqgħu għall-ħajja kollha. L-abort, waħedha, mingħajr ma qalet xejn lil ħadd. Parti minnha kienet mietet għal dejjem. Jum wieħed missierha ħajjarha tmur Medjugorje u hemm sfat milquta mid-dawl li idda minn għajnejn żagħżugħ tal-komunità Nuovi Orizzonti li kien għadu kif ta x-xhieda tat-twelid mill-ġdid tiegħu wara li għex l-infern. Lil hinn mid-dlam tal-mewt hemm il-milja tal-ferħ.
Messaġġ minn Fr Antoine:
Għeżież tiegħi, din ix-xhieda laqtet direttament lil qalbi. Naħseb li din ix-xhieda trid turi s-sbuħija tal-ħajja.
Kif tgħid Elena, jeħtieġ li nsejħu d-dnub b’ismu; jiġifieri promiskwità sesswali, nuqqas ta’ maħfra, mibgħeda, abort.
Elena qalet “dakinhar tal-abort, mhux biss mietet it-tarbija tiegħi, iżda wkoll parti minni.”
Jien nista’ nitkellem, nista’ ngħallem, nista’ nipprietka dak li tgħid il-Knisja, nista’ nirrakkonta ġrajjiet bħal dawn, iżda huwa INTOM in-nisa li tistgħu tkellmu lil nisa oħra, qalb ma’ qalb, ġuf ma’ ġuf.
Se nagħti ħin fuq Radju Marija għal dawk li b’kuraġġ, b’fidi kbira u b’sens kbir ta’ fejqan hekk kif DEJJEM tħoss Elena kull meta taqsam il-ġrajja tagħha jixtiequ jaqsmu l-ġrajja tagħhom. Nistedinkom TIĠU, iċċemplulna, tibgħatulna messaġġ, jew ittra elettronika lil Radju Marija jekk intom lesti tiġu u titkellmu fuq dan il-mezz ta’ komunikazzjoni sabiex tfiqu intom u jfiqu oħrajn!
Jekk tixtiequ tistgħu tibqgħu anonimi.
Magħkom dejjem fi Kristu u Marija, b’qalb mimlija mħabba u gratitudni.
IL-MULEJ IBERIKKOM
Fr Antoine Borg