Rużarju tad-Dmugħ tal-Verġni Marija

Dan ir-Rużarju u din id-devozzjoni kienu rivelati minn Sidna Ġesù Kristu u Ommu l-Verġni Marija lil Swor Amalia Aguirre f`Campinas il-Brażil, f`sensiela ta` rivelazzjonijiet privati bejn l-1929 u l-1930. L-E.T. Mons. Francisco de Campos Barreto – Isqof ta` Campinas u Fundatur tal-Istitut tal-Missjunarji ta` Ġesù Msallab (li tiegħu Swor Amalia kienet reliġjuża professa), iddikjara li dawn ir-rivelazzjonijiet huma awtentiċi u għandhom oriġini sopranaturali. Fit-8 ta` Novembru, 1929 Ġesù qal dawn il-kelmiet lil Swor Amalia: “Binti, inwiegħed li kull min jitlobni xi ħaġa f`ġieħ id-Dmugħ ta` Ommi, jien b`imħabba nagħtih li jkun talabni.” Fit-8 ta` Marzu, 1930 il-Madonna qaltilha hekk lil Swor Amalia: “B`dan ir-Rużarju, ix-xitan jiġi mrażżan u l-qawwa tal-infern titkisser.” Qaltilha wkoll: “Dan ir-Rużarju se jservi ta` għajnuna għall-konverżjoni ta` bosta midinbin, b`mod partikulari ta` dawk imġarrbin mix-xitan. Kun preparata għall-battalja qalila.”

Fit-8 ta` April, 1930 il-Madonna reġgħet dehret lil Swor Amalia biex turiha x-xewqa li tagħmel domni ġodda. Fuq wiċċ minnhom wieħed jilmaħ ix-xbieha tal-Madonna żżomm f`idejha l-Kuruna tad-Dmugħ bil-kelmiet madwarha: “Bid-Dmugħ tiegħek, Omm Addolorata, kisser is-saltna tax-xitan.” Fuq wara, ix-xbieha ta` Kristu marbut u l-kelmiet: “F`ġieħ it-tjieba divina tiegħek, O Ġesù marbut u umiljat, iddefendi lid-dinja
mill-erruri li qed jimminaċċjawha.”

Ġesù nnifsu wiegħed lil Swor Amalia, grazzji kbar lil dawk kollha li jxerrdu din id-devozzjoni. Hu qalilha: “Li tkun missjunarju tad-Dmugħ ta` Ommi, jagħtini konsolazzjoni kbira. Id-dinja bżonn il-Ħniena Divina, u biex tirċeviha ma hemmx iktar prezzjuż mir-rigal tad-Dmugħ ta` Ommi! Jekk id-dmugħ ta` omm jistgħu jmissu l-qalb ta` iben ribelli, kif tista` Qalbi ma tagħmel xejn quddiem din l-Omm li tant inħobb? Dan it-teżor li jien ħarist għal għoxrin seklu sħaħ, issa jinsab f`idejkom biex issalvaw l-erwieħ minn taħt idejn ix-xitan. Meta r-ruħ ġeneruża tgħid: “O Ġesù tiegħi, f`ġieħ id-Dmugħ ta` Ommok”, Qalbi tinfetaħ minnufih u nferra b`abbundanza l-Ħniena tiegħi fuq dik ir-ruħ. Kull min ixerred din id-devozzjoni, jirċievi fis-sema ferħ kbir u jbierek kull siegħa li fiha xerred dan il-messaġġ meta kien għadu fuq l-art. It-tixrid ta` din id-devozzjoni huwa ta` importanza kbira għal Qalbi għax iġġibli miljuni fuq miljuni ta` erwieħ! Kun appostlu ta` din id-devozzjoni u agħti ħajtek għaliha. Imberkin dawk li jipriedkaw id-Dmugħ ta` Marija.”


Rużarju tad-Dmugħ tal-Verġni Marija

Tibda billi trodd is-Salib u tirreċita l-Missierna u s-Sliema.

1: Talba tal-Bidu
O Ġesù Msallab, mixħutin f`riġlejk, noffrulek id-Dmugħ ta` Ommok, li b`intimità u b`imħabba mimlija devozzjoni u simpatija, akkumpanjatek fit-triq doloruża tal-Kalvarju. O Mgħallem twajjeb, għallimna nifhmu d-Dmugħ li Ommok xerrdet, biex b`hekk inkunu nistgħu nwettqu r-rieda tiegħek fuq din l-art u jkun jistħoqqilna li nfaħħruk u nberkuk għal dejjem fis-sema. Ammen.

2: Fuq iż-żibġa l-kbira tgħid darba (minflok il-Missierna)
O Ġesù, ħares lejn id-Dmugħ ta` Ommok li ħabbitek tant fuq l-art, u li qed tħobbok wisq iżjed fis-sema.

3: Fuq iż-żibeġ iż-żgħar tirrepeti għal 7 darbiet (minflok is-Sliema)
O Ġesù isma t-talb tagħna, f`ġieħ id-Dmugħ li xerrdet Ommok l-għażiża.

4: Fl-aħħar tgħid għal 3 darbiet
O Ġesù, ħares lejn id-Dmugħ ta` Ommok li ħabbitek tant fuq l-art, u li qed tħobbok wisq iżjed fis-sema.

5: Talba tal-Aħħar
O Marija, Omm tal-Imħabba, tad-Duluri u tal-Ħniena, nitolbuk tgħaqqad it-talb tiegħek ma tagħna sabiex Ġesù Ibnek, li lejh qed nirrikorru, jisma` t-talb tagħna għall-merti tad-Dmugħ matern tiegħek, jaqlagħalna l-grazzji li qed nitolbu u r-rigal tal-ħajja ta` dejjem.
Ammen.

Bid-Dmugħ tiegħek, Omm Addolorata, kisser is-saltna tax-xitan. F`ġieħ it-tjieba divina tiegħek, O Ġesù marbut u umiljat, iddefendi lid-dinja mill-erruri li qed jimminaċċjawha. Ammen.


Rużarju tad-Dmugħ tal-Verġni Marija – Riprodott fuq dan is-sit bil-permess tal-Appostolat tad-Dmugħ tal-Verġni Marija (Malta).

Share This On